“Is-Sistema Tal-Ġustizzja Kriminali Jeħtieġ Li Tindirizza Serjament Il-Kriminalità Organizzata U T-Traffikar Uman” – Il-Moviment Graffitti
Il-Moviment Graffitti fi stqarrija esprimew t-tħassib tagħhom dwar il-forom ta’ razziżmu istituzzjonalizzat evidenti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Il-Graffitti tkellmu dwar il-każ ta’ jumejn ilu fejn żewġ koppji fi triqthom lejn il-Belġju, ġew arrestati fl-ajruport u ngħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs b’mod arbitrarju mill-Qorti tal-Maġistrati għax kellhom passaporti foloz, b’uliedhom li ma jaħtu xejn jispiċċaw ‘orfni’ mis-sistema.
Il-Graffitti saħqu li dan l-issentenzjar diskriminatorju lejn l-immigranti u dawk li qed ifittxu ażil juri li l-qrati kriminali qegħdin ikunu l-iktar kattivi u ħorox ma’ dawk l-iktar vulnerabbli. Fil-fatt wieħed mill-fatturi li qed tikkontribwixxi għall-kriżi ta’ nuqqas ta’ spazju fis-sistema tagħna tal-ħabs jista’ jiġi attribwit għall-fatt li dawk li jinstabu ħatja taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni qegħdin jingħataw sentenzi kattivi ta’ ħabs mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni umanitarja għaċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom – “każ sfaċċat ta’ abbuż ta’ poter u ta’ razziżmu istituzzjonalizzat.” Sostnew Il-Moviment Graffitti.
Huma jinsab ukoll imħasseb dwar proċessi ovvji ta’ ‘krimmigrazzjoni’ fejn l-immigrazzjoni qiegħda tkun minsuġa dejjem iżjed ma’ proċessi ta’ ġustizzja kriminali u qiegħda tiġi kriminalizzata minflok indirizzata fuq bażi umanitarja.
Il-Moviment Graffitti fl-istqarrija tagħhom komplew jgħidu li s-sistema tal-ġustizzja kriminali jeħtieġ li tindirizza serjament il-kriminalità organizzata u t-traffikar uman, “huwa ċar li b’dawn il-prattiki inumani u diskriminatorji, qed tilħaq biss lil min hu vulnerabbli u żvantaġġat. Dan żgur mhux l-iskop tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li għandha d-dmir li titratta lil kulħadd b’mod ġust u bla preġudizzji kif ukoll li tiżgura li s-severità tas-sentenza tkun tirrifletti l-offiża li tkun saret.” Temmew l-istqarrija tagħhom il-Moviment Graffitti.