Id-Domanda Għall-Elettriku Tilħaq Livelli Rekord

 Id-Domanda Għall-Elettriku Tilħaq Livelli Rekord

Id-domanda għall-elettriku lbieraħ laħqet livell rekord ta’ 561MW. Din kienet 6% aktar mill-ogħla domanda ta’ 510MW li kienet reġistrata f’Lulju tal-2019. Hekk saħqet l-Enemalta fi stqarrija li ħarġet wara li bosta lokalitajiet kienu bla dawl matul il-lejl li għadda.

L-Enemalta kkonfermaw li d-domanda għall-elettriku fil-fatt bdiet tiżdied mill-ewwel mewġa ta’ sħana li laqtet il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ta’ Ġunju meta d-domanda laħqet 536MW. Din ukoll kienet qabżet ir-rekord ta’ Lulju ta’ sentejn ilu.

Meta mqabbla mas-sena l-oħra, id-domanda għall-elettriku fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena żdiedet b’ 7.7%.

L-Enemalta qalu li ż-żieda qawwija fid-domanda li kellna f’dawn il-ġimgħat, u b’mod partikolari ttemperaturi għoljin, jikkawżaw ħsarat fuq is-sistema tal-low voltage li konsegwenza tagħha tolqot numru ta’ klijenti tal-Enemalta f’partijiet minn diversi lokalitajiet.

Filwaqt li l-Enemalta skużat ruħha għal kull inkonvenjent, qed tkompli tagħmel l-almu tagħha biex jonqos il-ħin tas-sospensjoni tal-elettriku. Il-ħin ivarja skont it-tip ta’ ħsara, fejn f’waqtiet l-elettriku jiġu lura wara ftit tal-ħin u f’oħrajn it-tiswijiet jieħdu aktar fit-tul. Biex tnaqqas l-inkonvenjent fejn possibbli, l-Enemalta qed tipprovdi servizz temporanju alternattiv permezz ta’ generators li jitpoġġew ħdejn is-substation sakemm jitlestew it-tiswijiet.

L-investimenti li l-kumpanija diġa’ għamlet fid-distribuzzjoni jwasslu biex dawn l-interruzzjonijiet ikunu minimi kemm jista’ jkun u hija prijorità tal-kumpanija li tkompli tivesti biex tilħaq dan il-għan.

Għalhekk matul is-sena, l-Enemalta qed tkompli tinvesti biex in-network ta’ distribuzzjoni jkun upgraded biex ilaħħaq b’mod iktar effiċjenti mad-domanda li qed tinħoloq mill-fatt li l-attivita ekonomika fil-pajjiż qed tkompli tikber. Fis-sena 2020 l-Enemalta investiet 12-il milljun ewro, filwaqt li s’issa din is-sena investiet 6 milljun ewro fin-network ta’ distribuzzjoni tagħha.

L-Enemalta temmet tgħid li filwaqt li tifhem id-diffikultajiet li l-klijenti tagħha ikollhom bil-qtugħ talelettriku, tfakkar li l-Customer Care tal-Enemalta jipprovdi servizz tiegħu 24 siegħa kuljum u jista’ jiġi kkuntattjat fuq il-freephone 80072224.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com