“Edward Zammit Lewis Ma Jistax Jimplimenta L-Inkjesta Pubblika Meta Kien F’Konfoffa Mas-Sid Ta’ 17 Black” – Il-PN
“Edward Zammit Lewis ma jistax iwettaq il-bidliet mitluba mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex huwa stess wera biċ-ċar li mhux kapaċi jżomm id-distanza meħtieġa min-negozjanti li kellhom intenzjoni ta’ korruzzjoni. Dan hu propju li qed jitolbu l-imħallfin fl-inkjesta pubblika.”
Dan kien il-messaġġ li ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius, mill-President għar-Riċerka Politika, Martina Caruana, u ddeputat Karol Aquilina.
Il-PN qal li wara li sar magħruf li Edward Zammit Lewis żamm u ħa ħsieb ħbiberija kbira ma’ Yorgen Fenech, il-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Gvern m’għadhiex aktar tenibbli. Huma komplew jgħidu li “Edward Zammit Lewis minn jeddu tħabbeb ma’ Yorgen Fenech, tah l-appoġġ tiegħu fi żmien wara li kien sar magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Sallum Edward Zammit Lewis għadu ma jara xejn ħażin li huwa ħabib kbir ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li hu s-sid ta’ 17 Black.”
Il-Kelliema tal-PN saħqu li wara li sar magħruf dan kollu huwa ċar għal kulħadd li Edward Zammit Lewis ma jistax ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li jkun fdat biex iwettaq dawn il-bidliet li l-inkjesta tirrakomanda biex jiġu evitati reati ta’ abbuż.
“It-tliet imħallfin li għamlu l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għamluha ċara fir-rapport tagħhom li jeħtieġ li jsiru numru ta’ bidliet fil-liġijiet ta’ pajjiżna biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità minn persuni f’kariga pubblika.” Tennew il-kelliema tal-PN
L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja f’Edward Zammit Lewis. Sostniet li jekk Abela huwa serju jappoġġja l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Għaddew 24 siegħa minn meta l-Oppożizzjoni resqet il-mozzjoni u Robert Abela għadu ma ħax azzjoni.