“Qegħdin Naħdmu Biex Nagħtu Futur Aħjar Lill-Anzjani Tagħna” – Il-Ministru Michael Farrugia

 “Qegħdin Naħdmu Biex Nagħtu Futur Aħjar Lill-Anzjani Tagħna” – Il-Ministru Michael Farrugia

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ġie ppreżentat bir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2020 li sar mill-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Grech.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li t-tagħlimiet li ttieħdu matul dan il-perjodu servew biex bħalma diġà tħabbar, fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jiġi ppubblikat avviż legali b’numru ta’ standards soċjali biex jiġu regolati d-djar tal-anzjani.

“Barra minn hekk ġew introdotti servizzi ġodda u matul dan il-perjodu konna wkoll impenjati li ngħollu l-kwalità tas-servizzi eżistenti”, qal il-ministru.

Huwa qal li matul din is-sena kien hemm impenn kbir biex tlaqqmu kemm jista’ jkun anzjani u rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fl-eżerċizzju ta’ tilqim biex tlaqqmu dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità, dawk li ma setgħux joħorġu mid-dar kif ukoll dawk li jgħixu fi djar tal-gvern, f’tal-Knisja, fi djar privati u f’San Vinċenz de Paul. “Qegħdin naħdmu biex nagħtu futur aħjar lill-anzjani tagħna, speċjalment dawk li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja”, żied jgħid il-Ministru Farrugia.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella qalet li l-irwol tagħha jiċċirkola mal-promozzjoni tal-ġid tal-anzjani biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u rrimarkat li l-ħidma tagħha matul is-sena 2020 kienet straordinarja, diffiċli u bla preċedent.

“Minkejja dawn l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, komplejt bil-ħidma tiegħi li nedukaw, naraw li d-drittijiet tal-anzjani jiġu mħarsa u nippromwovuhom, u nistabbilixxu anke standards biex jiġu applikati minn dipartimenti u aġenziji. Importanti li nkomplu nikkollaboraw ma’ entitajiet fil-qasam tal-anzjani biex bħala tim wieħed, naħdmu għall-aħjar interess tal-anzjani,” ikkonkludiet il-kummissarju.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com