Ħatriet Ġodda Fil-Parroċċi Ta’ Santa Luċija, Ir-Rabat U Birkirkara Kif Ukoll Rettur Ġdid Fil-Konkatidral Ta’ San Ġwann

 Ħatriet Ġodda Fil-Parroċċi Ta’ Santa Luċija, Ir-Rabat U Birkirkara Kif Ukoll Rettur Ġdid Fil-Konkatidral Ta’ San Ġwann

Fi stqarrija llum il-kurja ħabret diversi ħatriet ġodda fosthom Kappillan ġdid fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija, Arċipriet ġdid fir-Rabat, Prepostu Arċipriet ġdid f’Birkirkara kif ukoll Rettur ġdid fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta.

Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Santa Luċija.

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Ronnie Zammit bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ San Piju X, Santa Luċija.

Dun Ronnie Zammit twieled fid‑9 ta’ Marzu 1982. Huwa rċieva l‑formazzjoni għas‑saċerdozju fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u segwa l‑istudji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2009. Dun Ronnie serva fil‑parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara, u kien viċi kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Fl‑2013 nħatar kappillan tal‑parroċċa tal-Kalkara u fl‑2017 inħatar viċi rettur tas‑Seminarju tal‑Arċisqof.

Il‑parroċċa ta’ Santa Luċija tiġbor fiha madwar 2,935 persuna.

Dun Ronnie Zammit

Arċipriet ġdid għall-parroċċa tar-Rabat.

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Joseph Mizzi bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat.

Dun Joseph Mizzi twieled fil‑11 ta’ Ottubru 1970. Huwa rċieva l‑formazzjoni għas‑saċerdozju fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u segwa l‑istudji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit‑29 ta’ Ġunju 1997. Kompla jispecjalizza fit‑teoloġija taż‑żwieġ u l‑familja fl‑Istitut Ġwanni Pawlu II, fl‑Università tal‑Lateran f’Ruma. Dun Joseph serva għal disa’ snin bħala assistent direttur tal‑Moviment ta’ Kana u disa’ snin oħra bħala direttur. Huwa wettaq ħidma pastorali fil‑parroċċa ta’ Ħaż‑Żebbuġ u bħala arċipriet tal‑parroċċa tal‑Birgu, u kien ukoll chaplain nazzjonali tal‑Gruppi Familji Nsara. Fl-2017 huwa nħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Piju X f’Santa Luċija.

Il‑parroċċa ta’ San Pawl fir-Rabat tiġbor fiha madwar 11,363 persuna.

Dun Joseph Mizzi

Prepostu Arċipriet ġdid għall-parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Louis Suban bħala prepostu arċipriet tal‑parroċċa ta’ Sant’Elena, Birkirkara.

Dun Louis Suban twieled fis‑16 ta’ Jannar 1959. Huwa rċieva l‑formazzjoni għas‑saċerdozju fis‑Seminarju tal-Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u segwa l‑istudji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl-istess seminarju. Ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 1984. Dun Louis kien għalliem fis-Seminarju Minuri u serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ Bormla. Fl‑1994 nħatar kappillan tal-parroċċa tal-Imsida u fl-2003 beda jservi bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat.

Il‑parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara tiġbor fiha madwar 11,062 persuna.

Kan. Louis Suban

Rettur ġdid għall-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Mons. Paul Carmel Vella bħala rettur tal‑Konkattidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

Mons. Paul Vella twieled is‑Siġġiewi nhar it‑23 ta’ Settembru 1961. Huwa rċieva l‑formazzjoni għas‑saċerdozju fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, ir‑Rabat, u segwa l‑istudji fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fi ħdan l‑Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fis‑7 ta’ Lulju 1988.

Mons. Vella nħatar segretarju personali u kappillan tal‑Arċisqof Monsinjur Ġużeppi Mercieca, u kien ukoll delegat tal‑Arċisqof għall‑liturġija kif ukoll ċeremonjier tal‑Kapitlu Metropolitan u ċeremonjier djoċesan. Fl‑1995 ntbagħat Ruma biex jsegwi l‑kors tal‑Liċenzja fid‑Drittu Kanoniku fl‑Università Pontifiċja tal‑Lateran, u fl‑1997 inħatar Difensur taż‑Żwieġ fit‑Tribunal Ekkleżjastiku u wara mħallef fl‑istess tribunal. Fl‑2007 nħatar kappillan tal‑Papa bit‑titlu ta’ Monsinjur u fl‑2010 kappillan tal‑Ordni ta’ San Ġwann. Fl‑2013 mar mill‑ġdid Ruma biex ikompli l‑istudji fid‑Drittu Kanoniku fl‑Università Pontifiċja ta’ Santa Croce u meta rritorna Malta nħatar bħala kappillan tal‑Monasteru San Pietru fl‑Imdina. Fl‑2017 nħatar prepostu arċipriet tal‑parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Fl‑2019 nħatar kappillan fi ħdan l‑Ordni tas‑Santu Sepulkru u monsinjur tal‑Katidral Metropolitan ta’ Malta.

Mons. Paul Vella

Ritratt Prinċipali: revealmalta.com

Ritratti Oħra: church.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com