Jonqos B’Aktar Minn €1 Miljun Il-Ġbir Fil-Knejjes Matul Il-Pandemija
Fl‑2020, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li tiġbor fiha iktar minn 100 entità u timpjega iktar minn 1,300 persuna, irreġistrat tnaqqis drastiku fis‑surplus minn €3.5 miljun fis‑sena 2019 għal €1.2 miljun fis‑sena 2020. Iż‑żewġ fatturi ewlenin li kkontribwixxew għas‑surplus kienu d‑dħul ta’ darba f’ishma li rċeviet Fondazzjoni Sebħ, kif ukoll wirtijiet li rċevew id‑Dar tal‑Providenza u d‑Dar tal‑Kleru.
Dan tħabbar mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof fejn qal li l‑pandemija ġabet magħha sfidi finanzjarji kbar. Pace Ross spjega li l‑pandemija kellha effett negattiv fuq id‑dħul tal‑Arċidjoċesi li naqas b’iktar minn €3 miljuni. Dan it‑tnaqqis kien dovut l‑iktar għan‑nuqqas ta’ dividend mill‑APS Bank u inqas dħul mill‑ġbir. Minħabba li l‑knejjes kienu magħluqin bejn Marzu u Ġunju, id‑dħul mill‑ġbir fil‑parroċċi naqas b’iktar minn €1 miljun, jew 40%, meta mqabbel mas‑sena ta’ qabel.
Dan apparti tnaqqis fid‑dħul minn donazzjonijiet ta’ kważi €767,000. It‑tnaqqis fit‑turiżmu wkoll kellu impatt fuq id‑dħul tal‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina u tal‑Bażilika tal‑Mosta, fejn in‑numru ta’ viżitaturi naqas b’iktar minn 80%. Min‑naħa l‑oħra, ġew irreġistrati żidiet fid‑dħul minn wirtijiet u minn fondi pubbliċi, inkluż minn skemi ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill‑Gvern matul il‑pandemija.
Minħabba l‑pandemija ġew posposti għadd ta’ proġetti u xogħlijiet. B’riżultat ta dan, l‑Arċidjoċesi rreġistrat tnaqqis ta’ €2.6 miljuni fl‑infiq. 66% tal‑infiq totali mar għall‑pagi tal‑kleru u l‑lajċi. L‑ispejjeż tal‑operat, inkluż l‑infiq fuq manutenzjoni, restawr u konservazzjoni, naqsu bi 15%.
Il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat telf sostanzjali ta’ €4.5 miljun wara li ma rċevietx dividend mill‑APS Bank fuq rakkomandazzjoni tal‑Bank Ċentrali Ewropew. L‑infiq naqas b’€946,000. Il‑COVID wage supplement għen biex l‑Arċidjoċesi mhux biss iżżomm lill‑impjegati kollha, imma wkoll żiedet l‑impjegati li jaħdmu direttament fil‑missjoni pastorali tal‑Knisja u fil‑qasam soċjali. Donazzjonijiet mogħtija mill‑fond ta’ karità tal‑Arċisqof (Archbishop’s Charity Fund) żdiedu, u b’hekk ġew megħjuna aktar individwi u familji fil‑bżonn b’mod partikolari waqt il-pandemija. Minkejja n‑nuqqas ta’ dħul, il‑Knisja kompliet bil‑ħidma fejjieda tagħha u kienet viċin persuni vulnerabbli. Is‑sussidji lill‑entitajiet tal‑Knisja, bħalma huma djar tat‑tfal u djar tal‑anzjani, ammontaw għal €857,000.