Il-PN B’Diskors Partiġjan Mingħajr Ebda Soluzzjonijiet – Il-Partit Laburista

 Il-PN B’Diskors Partiġjan Mingħajr Ebda Soluzzjonijiet – Il-Partit Laburista

Fi stqarrija mill-Partit Laburista, intqal li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli dwar l-enerġija.

Intqal li l-amministrazzjoni Nazzjonalista ħalliet ċentri ta’ distribuzzjoni ġebel u saqaf mingħajr ebda tagħmir. Kien Gvern Laburista li beda jindirizza għexieren ta’ snin mingħajr investiment serju fil-qasam tal-enerġija u għal li ġej irid ikun Gvern Laburista li jibda fuq dak li beda jsir u jtejjeb fejn meħtieġ.

Tenna li f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ ċar li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq pjan li mhu pjan xejn.  “Il-kelliem ta’ Bernard Grech fuq is-settur tal-enerġija, Ryan Callus, ma kienx kapaċi jgħid kemm jinvesti gvern nazzjonalista fis-sistema ta’ distribuzzjoni.”

L-istqarrija qalet li ironikament fakkar fi pjan li l-istess Partit Nazzjonalista għamel fl-2006 u li hu l-ikbar prova tan-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-PN fuq is-settur għax sal-2013 ma wettaq xejn minnu.

“Li kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna llum mhux qed ilaħħaq mad-domanda tal-elettriku għax il-Partit Nazzjonalista kien kontra l-bini ta’ power station ġdida. Minflok ried jibqa’ juża’ l-heavy fuel oil. Id-domanda għall-enerġija telgħet għal rekord ta’ 561MW u li kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna għadu bi provvista ta’ 350MW li ma tirrispondix għad-domanda, bir-riżultat li aktar minn terz ta’ Malta u Għawdex kienu jibqgħu bla dawl li għaddiet tal-partit ta’ Bernard Grech.”

Il-kredibilità  tinsab f’min kapaċi jwettaq. F’seba’ snin dan il-Gvern investa €130 miljun fis-sistema ta’ distribuzzjoni u l-investimenti se jkomplu fi żmien li ġej.

Fuq kollox, l-esperti tal-blackouts u l-qtugħ fil-provvista tad-dawl sajf u xitwa mhumiex kredibbli jitkellmu dwar l-enerġija. Speċjalment meta, fl-istess ħin meta kienu fil-gvern taw lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin l-ogħla kontijiet. Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-PL.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com