L-Eks Surġent Tal-Pulizija Simon Schembri Kkumpensat Finanzjarjament Mill-Gvern

 L-Eks Surġent Tal-Pulizija Simon Schembri Kkumpensat Finanzjarjament Mill-Gvern

L-eks surġent tal-Pulizija Simon Schembri kkumpensat finanzjarjament mill-Gvern wara li kien involut f’inċident waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Fil-15 ta’ Mejju tal-2018, is-Surġent tal-Pulizija s-Sur Simon Schembri kien involut f’inċident waqt il-qadi ta’ dmirijietu li ħallih b’danni fiżiċi serji u b’diżabilità permanenti.

Il-Pulizija akkużat persuna b’attentat ta’ qtil fuq is-Sur Schembri, liema persuna bħalissa qed tistenna li tgħaddi ġuri waqt il-proċess tal-ġustizzja fil-Qorti Maltija.

L-Avukati tas-Sur Simon Schembri kienu mbagħad għamlu att ġudizzjarju fil-Qorti Ċivili li fih talbu għal kumpens fuq id-danni sofferti mill-klijent tagħhom waqt li kien qiegħed jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala Surġent tal-Pulizija.

Din it-talba ġiet ikkunsidrata mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, wara li ntalbu pariri neċċessarji mill-awtoritajiet konċernati.

Sussegwentament, il-Kabinett iddeċieda favur il-kumpens finanzjarju lis-Surġent Simon Schembri bħala ex gratia.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim għall-ħlas ex gratia, il-Ministru għall-Intern is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal illi minkejja li l-Gvern ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan l-inċident ikrah, permezz ta’ dan il-qbil qiegħed jagħti faraġ u kumpens lis-Sur Simon Schembri u l-familja tiegħu hekk kif bħala uffiċjal pubbliku sofra minn inċident waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Fi stqarrija l-Gvern qal li m’aġixxiex biss f’dan il-każ, iżda ħaseb għal soluzzjonijiet fit-tul billi nieda skema ta’ Benefiċċji għal Aċċidenti Personali fuq ix-Xogħol. B’hekk din l-iskema se tkun ta’ appoġġ f’każ li jinqala’ xi aċċident waqt il-qadi ta’ dmirijiethom b’mekkaniżmi li huma stabbiliti.

Il-Ministru Camilleri tenna illi l-Pulizija għandhom dejjem ikunu rispettati waqt ħidmiethom hekk kif dawn ta’ kuljum qegħdin hemm għas-servizz tal-poplu u biex josservaw iż-żamma tal-ordni pubblika.

Il-Ministru Byron Camilleri temm jgħid illi dan l-inċident ma jirriflettix is-sentiment tal-Maltin u l-Għawdxin dwar l-uffiċjali fil-korp tal-pulizija.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com