L-Assoċjazzjoni Maltija Tal-Importaturi Tal-Karozzi Tisħaq Li Malta Għandha Titqies Bħala Stat Żvantaġġat
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Importaturi tal-Karozzi kellha laqgħa mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg fir-rigward tal-kwistjonijiet attwali ta’ tariffi miżjuda li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Membri tal-MCIA meta jimportaw karozzi mir-Renju Unit, naturalment minħabba l-Brexit.
Il-kumitat eżekuttiv tal-MCIA ressaq proposti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali. L-MCIA esprimew tħassib li l-biċċa l-kbira tal-membri, 75 b’kollox, jinsabu fi stat finanzjarju diffiċli u jeħtieġu intervent mill-Gvern minħabba żbilanċ ikkawżat fis-suq lokali.
Waħda mill-proposti li resqet l-MCIA hija biex tiġi n-negozjata deroga mill-ftehim ta’ Brexit fil-livell tal-UE biex Malta titqies bħala stat żvantaġġat minħabba n-normi fir-regoli tat-traffiku li ntirtu mir-Renju Unit, (jiġifieri s-sewqan fuq in-naħa tax-xellug tat-triq u b’hekk il-pożizzjoni tas-sewwieq fuq in-naħa tal-lemin). Din il-proposta ma ntlaqatx mill-Gvern u qal li l-Kummissjoni mhux se tkun qed tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Minkejja li l-Kumitat Eżekuttiv insista li jibda diskussjoni formali, il-pożizzjoni tal-Gvern baqgħet l-istess.
Matul il-laqgħa, ġew diskussi wkoll alternattivi fir-rigward tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud skont it-Trattat Internazzjonali dwar il-VAT. Il-Gvern qabel li se jsiru sforzi biex jiġi żgurat li ma sseħħx sitwazzjoni ta’ tassazzjoni doppja. F’dan ir-rigward, intlaħaq qbil li se ssir komunikazzjoni formali mill-Gvern ta’ Malta lill-Gvern tar-Renju Unit dwar il-kwistjoni msemmija.
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles li daħal fis-seħħ f’April 2021 bejn l-UE u r-Renju Unit, il-Gvern qabel li se jitlob opinjoni dwar jekk ir-regoli tal-oriġini japplikawx għal oġġetti li joriġinaw minn pajjiżi tal-UE, mibjugħa lir-Renju Unit u mibjugħa lura lill-istati membri tal-UE. Jekk dan ikun il-każ, skont il-ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mar-Renju Unit, ma jkunx hemm tariffi u kwoti fuq oġġetti li huma konformi mar-regoli tal-oriġini.
Fir-rigward tal-għotjiet mill-Gvern fuq vetturi elettroniċi, iż-żewġ Ministri qablu li għalkemm mhux se jkun hemm żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għal tali miżuri, se jitqiesu miżuri biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ attwali fis-suq.
Bħala triq ‘il quddiem, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Importaturi tal-Karozzi qalet li se tkun f’komunikazzjoni ma’ uffiċjali mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura dwar dak li ġie diskuss.