L-Edizzjoni Tal-‘Yacht Racing Forum’ Tal-2022 Se Ssir F’Malta
Għal darb’oħra, l-edizzjoni tal-2022 tal-Yacht Racing Forum se ssir f’pajjiżna. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza għall-aħbarijiet li saret fir-Royal Malta Yacht Club.
Skedata li ssir f’Novembru tal-2022, din il-konferenza se tkun qed isseħħ fuq bażi ta’ jumejn, fejn fiha se jiġu diskussi bosta suġġetti li jikkonċernaw l-industrija tal-marittimu, fosthom dwar l-aħħar teknoloġiji u innovazzjonijiet minn individwi li huma involuti u huma kkunsidrati bħala pijunieri fl-oqsma rispettivi tagħhom. Mistenni li jkun hemm ’il fuq minn 300 delegat preżenti minn bosta pajjiżi differenti.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg faħħar din l-inizjattiva u qal li huwa ta’ unur li konferenza prestiġjuża bħalma hi l-Yacht Racing Forum se terġa’ ssir għal darb’oħra f’pajjiżna.
Fl-2016, l-edizzjoni tal-forum kienet saret f’pajjiżna u kienet appoġġjata minn Yachting Malta, entità fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.