Jitfakkar Id-79 Anniversarju Tal-Konvoj Ta’ Santa Marija
Fl-okkażjoni tad-79 anniversarju tal-Konvoj ta’ Santa Marija, il-Ġimgħa filgħaxija fil-Port il-Kbir tfakkru dawk li tilfu ħajjithom fil-baħar fi sforz biex tiġi salvata Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Iċ-ċerimonja ta’ tfigħ ta’ kuruni tal-fjuri fil-baħar saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, George Vella, u ġiet organizzata mill-fergħa Maltija tar-Royal Navy Association filwaqt li tmexxiet mill-Kanċillier tal-Katidral Anglikan, ir-Rev. Kanonku Simon Godfrey. Trumbettieri tal-Forzi Armati ta’ Malta daqqew il-Last Post u r-Reveille u ġiet osservata minuta silenzju.
F’kummenti wara ċ-ċerimonja, il-President irrimarka li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed jinsew is-sinifikat ta’ ġrajjiet tal-imgħoddi li kellhom impatt fuq ħajjitna. Filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu għall-organizzaturi tal-kommemorazzjoni annwali, qal li, “Dawn huma episodji li fihom irridu nfakkru l-qlubija tal-Maltin u, iktar u iktar, insellmu lil dawk li taw ħajjithom u li taw il-bixra li taw lill-istorja ta’ pajjiżna.”
Fl-attività ħadu sehem ukoll il-Malta Command – WW2 Living History Group u l-WWII Veterans Association.
Ritratti (OPR)