“Meħtieġ Pjan Sħiħ Għad-Drenaġġ Kollu Taż-Żona Ta’ San Pawl Il-Baħar” – Graziella Galea

 “Meħtieġ Pjan Sħiħ Għad-Drenaġġ Kollu Taż-Żona Ta’ San Pawl Il-Baħar” – Graziella Galea

“Erġajna bid-drenaġġ ħiereġ fit-triq f’San Pawl il-Baħar. Illum fi Triq il-Ħalel, Buġibba.” Hekk kitbet fuq il-mezzi soċjali tagħha l-Kunsilliera f’San Pawl il-Baħar f’isem il-Partit Nazzjonalista Graziella Galea.

“Minn hemm dritt għal taħt il-pjazza u dritt għall-baħar” kompliet tgħid Graziella Galea.

Hija qalet li din it-triq tinsab ftit metri bogħod mill-pjazza ta’ Buġibba f’nofs żona turistika

Galea kitbet ukoll li għamlet rapport dwar dan mal-WSC u esprimiet it-tama li din il-problema tissolva kemm jista’ jkun malajr.

F’kummenti li ħadna m’għand Graziella Galea qaltilna li matul dawn l-aħħar xhur żdiedu ħafna l-każi ta’ ħsarat tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, fosthom fiż-żona tal-Iskola Primarja kif ukoll anke rwejjaħ f’diversi żoni oħra. Galea qaltilna ukoll li nhar is-Sibt li għadda l-latrina ta’ ħdejn il-breakwater ta’ Buġibba kellha tingħalaq minħabba ħsara fis-sistema tad-drenaġġ.

Graziella tenniet li hu meħtieġ pjan sħiħ għad-drenaġġ kollu taż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, “iktar u iktar jekk jerġa’ jiżdied it-turiżmu kif wkoll jekk jimtlew il-mijiet ta’ appartamenti li qed jinbnew fl-inħawi ta’ Triq il-Port Ruman u Triq it-Tamar.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com