Raġel Ta’ 75 Sena Sofra Ġrieħi Gravi Wara Li Waqa’ F’Bir F’Ħaż-Żebbuġ
Raġel ta’ 75 sena minn Ħal Qormi sofra ġrieħi gravi f’inċident f’għalqa fi Triq tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Kienu għal xi 12pm xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna waqgħet f’bir. Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u wara li tellgħu lir-raġel mill-bir, huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.