Għaliex L-Iswab F’Imnieħrek Forsi Ddejqek Xi Ftit? Informa Ruħek.
Spiss smajna u għadna nisimgħu, li ħafna jiddejqu jagħmlu ‘swab test’ għaliex iddejjaqhom dik it-tgħarixa f’imneħirhom.
Imma għaliex l-istikka tal-iswab test trid tidħol daqshekk fil-fond tal-imnifsejn?
L-istikka (biex insejħulha hekk) tkun irqiqa ħafna u jkollha tarf artab ħafna. Hija bħal ‘cleaner’ li trid tiddaħħal fl-imnieħer u tiddawwar għal ftit sekondi.
Il-parti r-ratba ta’ wara, tiġbor ‘sample’ tal-likwidu u l-partiċelli li jkun hemm f’din il-parti ta’ ġewwa li tidher fir-ritratt.
Hemmhekk ikun hemm ċelloli u likwidi li jgħaqqdu l-bażi tal-imnieħer ma’ fuq wara tal-griżmejn li minnhom, joħroġ riżultat ċar.
Il-ġisem mhux imdorri li jkollu oġġetti f’din l-akkwata u għalhekk, toħloq sensazzjoni antipatka. Din ir-reazzjoni li tinħoloq bl-iswab, tikkawża dik li jgħidulha ‘lachrymal reflex’ li ġġiegħlek iddemma’ ftit bi dmugħ ħafif.
Bla dubju, kważi nistgħu ngħidu li hawn ħafna drawha sew issa. Hi x’inhi, saret bżonn. Ħsibna li naqsmuha magħkom għaliex hija interessanti.