Se Tkun Irrestawrata L-Land Rover Ta’ Ċikku Fenech – Kien Ibiegħ Il-Ħaxix Biha
Il-Land Rover ta’ Ċikku Fenech, li minnha kien ibiegħ il-ħaxix, qanqlet interess qawwi. Dan anke minn dawk dilettanti tal-vetturi.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li ser jieħdu ħsiebha, jirrestawrawha u jintegrawha fil-proġett ta’ ġnien aċċessibli fiż-żona tad-Dib.
F’kumment fuq il-midja soċjali tiegħu, Muscat qal li mhux se jigglorifikaw lil Ċikku Fenech jew lil għemilu.
“Qatt ma kienet l-intenzjoni li l-ġnien jissemma għal Ċikku Fenech. Pero mhux se naqbdu u narmu vettura li tant qed tqanqal interess fost dilettanti tal-karozzi u tant iġġib memorji. Se nbiddlu dan l-ispazju f’wieħed miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd, appuntu biex niktbu kapitlu ġdid fl-istorja tal-inħawi, u biex inħallu xi ħaġa pożittiva għal ta’ warajna.”
L-istorja ta’ Ċikku Fenech tmur lura għal Ġunju tal-1963 meta kien għamel tliet xhur maħrub fejn il-pulizija kienu qed ifittxuh minħabba li kien wettaq delitt. Kien qatel lil Ċikku Vella fit-13 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena.
Interessanti l-fatt kif hu kien għamel ġimgħat sħaħ jgħix fl-għerien tal-Ġnejna u ta’ Fomm ir-Riħ sakemm imbagħad ta ruħu b’idejh stess f’Settembru tal-istess sena.