“Jeħtieġ Riforma Urġenti Fil-Ħabs” – Il-PN

 “Jeħtieġ Riforma Urġenti Fil-Ħabs” – Il-PN

“Il-Partit Nazzjonalista jesprimi dieqa u rabja għall-mewt ta’ żagħżugħ ieħor waqt li kien għar-riabilitazzjoni fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin. Il-Partit Nazzjonalista jerġa jisħaq dwar l-importanza ta’ riforma sħiħa fil-ħabs li tħares il-ħajja, d-dinjitá u d-drittijiet tal-ħabsin filwaqt li tirrispetta r-rwol tagħha bħala faċilitá ta’ riabilitazzjoni u mhux ta’ vendikazzjoni.”

Hekk qal il-Kelliem tal-PN għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza Beppe Fenech Adami fi stqarrija wara l-mewt ta’ persuna oħra kawża ta’ attentat ta’ suwiċidju fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin.

Huwa kompla jisħaq li nkjesta oħra mhix se ssolvi l-problemi eżistenti fil-ħabs u għalhekk jeħtieġ li Robert Abela jifhem li l-ħabs mhux qiegħed iwettaq il-funzjoni tiegħu u li għalhekk it-tmexxija preżenti għandha titneħħa mmedjatament.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru, li ma jistenniex mewta oħra u minnufih jara li l-proposti tal-Oppożizzjoni, kif ukoll dawk ta’ diversi esperti fis-settur, dwar riforma fil-ħabs, jitwettqu mingħajr aktar dewmien, fosthom li jiġi pprovdut trattament xieraq lill-vittmi tad-droga l’ bogħod mill-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com