Iċ-Ċimiterju Ta’ San Girgor Fiż-Żejtun Daqt Se Jkun Irrestawrat

 Iċ-Ċimiterju Ta’ San Girgor Fiż-Żejtun Daqt Se Jkun Irrestawrat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg illum ħabbar li ċ-Ċimiterju ta’ San Girgor fiż-Żejtun se jiġi rrestawrat u kkonservat b’xogħlijiet implimentati mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

“Meta nsemmu infrastruttura ma nkunux qed infissru biss toroq, iżda spazji, bħal ma huma dawn, li huma parti mill-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern għal infrastruttura denja u tal-ogħla kwalità. Iċ-ċimiterji tagħna jixirqilhom kull attenzjoni u rispett għaliex huma l-postijiet fejn wieħed iżur jew jagħti tislima lil xi qraba jew ħbieb li ħallewna. B’hekk, aħna kommessi li spazji bħa dawn tingħatalhom l-attenzjoni u l-ħidma li tixraqilhom”, sostna l-Ministru Ian Borg.

Il-proġett huma maħsub li ser jiswa madwar €80,000. Ix-xogħol se jikkonsisti fir-restawr u anke t-tibdil tal-ħajt eżistenti u l-pilastri kif ukoll restawr tar-railings tal-ħadid li jmissu ma’ Misraħ San Girgor.

Sabiex ikun possibbli li jsiru dawn ix-xogħlijiet kien meħtieġ li jsiru studji tekniċi tal-ħsarat li hemm tal-ħajt. Saret ukoll riċerka storika dwar dan il-ħajt sabiex kemm jista’ jkun matul l-interventi tkun irrispettata l-oriġinalità tal-pjanta.

Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela li qalet li, “Din hija inizjattiva pożittiva għall komunità tagħna fejn grazzi għall-ħidma u l-ftehim li sar bejn il-Ministru Ian Borg u l-Arċipriet Dun Nikol Pace, ser jinbidlu l-ħitan li jdawru ċ-ċimiterju ta’ Santa Katarin f’San Girgor. Minkejja li ma jaqax taħt ir-responsabilità tal-kunsill, dan il-proġett huwa importanti għall-komunità tagħna, għaliex apparti li se jagħti dehra isbaħ estetikament, se jkun qed ineħħi l-periklu eżistenti li hemm bħalissa minħabba l-istat ħażin li ż-żona tinsab fih.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com