Il-KSU Tgħid Li MP’s Li Kienu Jiffurmaw Parti Mill-Kabinett Ta’ Joseph Muscat Għandhom Jirreżenjaw

 Il-KSU Tgħid Li MP’s Li Kienu Jiffurmaw Parti Mill-Kabinett Ta’ Joseph Muscat Għandhom Jirreżenjaw

Il-KSU fi stqarrija qalet li abbażi tal-Inkjesta Pubblika ppubblikata riċentement relatat mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kummissjoni Politika u Edukazzjoni fi ħdan il-KSU qed tappella lil dawk il-Membri Parlamentari li kienu jiffurmaw parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat biex jerfgħu r-responsabbiltà politika u jirriżenjaw.

Tenniet li l-Kabinett, immexxi minn Joseph Muscat, kien konxju sew tal-korruzzjoni u l-impunità li kienet qed tiżviluppa fl-ogħla livelli tal-Gvern. Minkejja dan, il-Kabinett ta’ Joseph Muscat għażlu li jibqgħu siekta, billi injoraw id-dmir tagħhom li jaġixxu għall-benefiċċju tal-pajjiż.

“Is-sempliċi fatt li l-Istat instab responsabbli hija turija tad-dgħufija tas-saltna tad-dritt f’Malta. Il-konnessjonijiet u r-relazzjonijiet intimi ma’ dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia juru linji mċajpra bejn dawk li jmexxu l-Istat u dawk li jirrikorru għall-kriminalità u l-korruzzjoni. L-iskiet tal-Kabinett wassal għal nuqqas ta’ kontabbilità li l-KSU jħoss li huwa dovut lill-pubbliku Malti.”

Il-KSU qalet li jinsab mħasseb ħafna bir-relazzjoni bejn il-Ministru tal-Ġustizzja u Governanza Tajba, l-Onor. Dr Edward Zammit Lewis u l-akkużat mandant, Yorgen Fenech. Tenniet li huwa inaċċettabbli li l-Ministru bl-iskop ewlieni li jippreserva u jiżgura li l-insegwiment tal-Ġustizzja u s-saltna tad-dritt ikun assoċjat u marbut mill-qrib mal-akkużat mandant tal-qtil ta’ ġurnalista. Għalhekk, il-KSU jitlob ukoll għar-riżenja tal-Onor. Dr Zammit Lewis sabiex jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu.

“Il-KSU jittama li l-Istat ser jindirizza u serjament jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-inkjesta mingħajr dewmien. Il-pajjiż għandu bżonn jitgħallem u jfieq mill-oskurità li rriżultat mill-qtil ta’
Daphne Caruana Galizia.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com