Investiment Ta’ €9 Miljun F’Fabbrika Tal-Għamara Fil-Ħandaq
SAW Ltd, kumpanija tal-manifattura lokali investiet €9 miljun f’espansjoni tas-sit u l-operat tagħha biex tkompli toffri impjiegi ta’ kwalità u timrah lejn swieq internazzjonali.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli meta żaret il-fabbrika SAW Ltd, immexxija mis-Sur Stephen Azzopardi u s-Sur Mark Cassar.
SAW Ltd taf il-bidu tagħha fl-1991 minn garaxx fil-Għargħur. Illum, il-fabbrika espandiet b’żieda addizzjonali ta’ 3,500 metru kwadru fiż-żona industrijali tal-Ħandaq. SAW Ltd timmanifattura prodotti ta’ għamara għas-suq lokali u swieq internazzjonali u timpjega madwar 70 impjegat, li jinkludu persuni tekniċi, inġiniera u disinjaturi.
SAW Ltd investiet €9 miljun biex kompliet tespandi l-fabbrika f’kumpless ta’ ħames sulari. Dan l-investiment kien possibbli wkoll grazzi għal skemi varji li toffri Malta Enterprise, ewlenin fosthom l-Investment Aid.
“Din l-espansjoni hija xhieda tal-interess li imprendituri lokali u internazzjonali għandhom f’pajjiżna. Se nkomplu nassistu investiment li joħloq il-ġid u impjiegi ta’ kwalità filwaqt li jiffoka fuq is-sostenibbiltà. Permezz tal-assistenza li nagħtu, qed nattiraw investiment ġdid filwaqt li nsostnu investiment diġà eżistenti,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-kumpanija SAW Ltd investiet f’sistemi ta’ enerġija effiċjenti u sistemi ta’ operat intelliġenti, filwaqt li 25% tal-konsum tal-elettriku tagħha ġej minn enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, materjal li jifdal wara l-produzzjoni tal-prodott tagħhom jingħata lill-bdiewa biex jerġa’ jintuża f’settur differenti.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mark Cassar, manager ta’ SAW Ltd, spjega kif mit-twelid tal-kumpanija, hu u d-direttur Stephen Azzopardi ħadmu sabiex jinvestu fil-makkinarju, fit-teknoloġija u fuq kollox fil-ħaddiema. “Dejjem ħarisna ’l quddiem biex intejbu s-servizz u l-kwalità, filwaqt li nibqgħu kompetittivi u effiċjenti. Għalhekk, issa qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nkabbru b’mod sostenibbli n-negozju. Grazzi għal Malta Enterprise, stajna nagħmlu proġetti li qatt ma stajna nagħmlu waħidna,” saħaq is-Sur Cassar.
Ritratt: DOI