90% Tal-Proġett Tas-Central Link Huwa Lest
Waqt żjara fuq il-proġett tas-Central Link, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li 90% ta’ dan il-proġett huwa lest.
Il-Ministru Ian Borg qal li, “B’90% tal-proġett issa lest, se nkunu allura qed naraw li jitkompla l-proċess bl-aktar mod għaqli u sigur sabiex tassew ikun investiment ieħor infrastrutturali bħal ma kien il-Marsa Junction, fejn se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”
Il-Ministru Borg qal li s-Central Link se jkun qed inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’50% u, sa l-2030, se jkun qed jikkontribwixxi għal tnaqqis ta’ 66% ta’ tniġġis tal-arja. Apparti minn hekk huwa kompla jgħid li dan il-proġett se jkun qed inaqqas l-emissjonijiet ta’ nitrogen dioxide b’41%.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li dan il-proġett tas-Central Link huwa proġett ieħor importanti li qed jiġi ko-finanzjat minn fondi Ewropej.
Hu qal li dan huwa investiment bi ħsieb, li jipprovdi anke faċilitajiet għal mezzi alternattivi ta’ transport b’impenn ambjentali għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
Bħalissa qed isir xogħol ta’ tqegħid ta’ asfalt sabiex jitlestew il-konnessjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin. Il-maġġoranza tas-seba’ kilometri ta’ korsiji ġodda ta’ dan il-proġett se jkunu lesti għall-utenti tat-triq fil-bidu ta’ Ottubru. Is-cycle lane se tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjin ukoll, filwaqt li se jitkompla l-proċess ta’ installazzjoni ta’ sistemi ta’ irrigazzjoni u t-tħawwil ta’ kważi 600 siġra ġdida.
Ritratt: DOI