Spettaklu Ta’ Logħob Tan-Nar Fuq Erbat Ijiem F’Settembru
F’Settembru li ġej ħa jkun qed jittella’ festival tan-nar tal-ajru mifrux fuq erbat ijiem u f’erba’ lokalitajiet differenti.
L-ismewwiet ħa jkunu qed jimtlew b’kuluri u arti piroteknika b’xogħol li ħa jkun f’idejn 29 Fabbriki tal-Logħob tan-Nar u 45 Assoċjazzjoni tal-Logħob tan-Nar minn madwar Malta u Għawdex.
Il-Malta Fireworks Special se jibda fl-4 ta’ Settembru f’Għawdex, u jkompli fid-9 ta’ Settembru fl-Imqabba, fil-11 ta’ Settembru fil-Mellieħa, u jispiċċa b’finali kbira fl-20 ta’ Settembru, fil-Port il-Kbir tal-Belt Valletta.
Dawk li se jattendi ħa jkunu qed jaraw settijiet tradizzjonali ta’ logħob tan-nar tal-ajru, kif ukoll wirjiet spettakolari ta’ 5-7 minuti kull waħda.
“L-avveniment speċjali tal-Malta Fireworks Special huwa ta’ aħbar sabieħa għall-industrija tad-divertiment. Hekk kif qed inkomplu nimxu fit-triq lejn in-normalità, huwa kruċjali li l-pubbliku Malti jibqa’ responsabbli b’rispett sħiħ tar-regolamenti deskritti mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Nixtieq suċċess mill-aqwa lill-organizzaturi filwaqt li nirringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kellha rwol importanti biex dan l-avveniment isir realtà,” hekk qal l-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur Clayton Bartolo f’kummenti li għamel dwar dan l-avveniment.
Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg żied jgħid li “Jinsab kuntent li qed jiġi organizzat dan il-festival tan-nar, f’sena fejn, għal darb’oħra, kellna nissagrifikaw l-akbar tradizzjonijiet tagħna fis-sajf, li huma l-Festi u l-Logħob tan-Nar. Bħal dejjem, is-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd huma ta’ importanza kbira, u għal din ir-raġuni, aħna qed inħeġġu lin-nies biex ma jinġabrux fis-siti tal-ispettakli, iżda jaraw il-logħob tan-nar postijiet differenti, filwaqt li dejjem jimxu mar-regolamenti tal-COVID-19.”