Willinsky Magazine: Proġett Li Jwassal L-Aspett Pożittiv Ta’ Maltin Fostna
Smajtu b’Willinsky Magazine? Huwa magazine onlajn bil-ħsieb li jkollu materjal ipprintjat ukoll dalwaqt, bi stil u b’differenza fejn fih ikunu intervistati dawk il-personalitjiet li qed jagħmlu differenza f’Malta u li qed ikunu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn.
Imwaqqaf minn Kamil Willinsky; fil-fatt iġib ismu. Kellimnieh u qalilna li l-proġett beda mill-apprezzament tiegħu nnifsu lejn individwi li għandhom il-kuraġġ, passjoni u r-rieda li jagħmlu differenza u jwettqu l-ħolm tagħhom anke bi skop ta’ ġid għall-oħrajn.
“Skoprejt li nieħu gost nitkellem, nissoċjalizza u nsir naf lin-nies. Ġieli anke ngħinhom. Il-komunikazzjoni hija sabiħa mżewqa mat-teknoloġija imma tibqa’ prijorità; dik li bniedem isir jaf lill-ieħor.”
Qalilna wkoll li Malta hija pajjiż affaxinanti b’nies ambizzjużi. “Xtaqt li fost in-negattività li teżisti f’kull rokna tad-dinja, inwassal il-pożittività tan-nies b’mod naturali”, tenna Kamil.
Magħna qasam il-ħsieb li jixtieq li l-proġett tiegħu jkompli jikber u jsir magħruf, b’kollaborazzjonijiet ma’ diversi oħrajn li jaqsmu miegħu ideat sbieħ dejjem b’pożittività.
Saħaq li Malta issa hija daru. Qalilna wkoll li l-intervisti ser ikomplu b’mod rilassat, onest u b’ispirazzjoni kif ukoll bl-iskop li Malta dejjem tissaħħaħ u tiżviluppa għall-aħjar. L-intervisti jsiru għand CLELAND & SOUCHET
Awguri Kamil!