Produzzjonijiet Televiżivi Se Jkunu Eleġibbli Li Jieħdu Lura Sa 20% Tal-Ispejjeż Sa Massimu Ta’ €75,000

 Produzzjonijiet Televiżivi Se Jkunu Eleġibbli Li Jieħdu Lura Sa 20% Tal-Ispejjeż Sa Massimu Ta’ €75,000

Il-Gvern nieda Fond ta’ Produzzjoni u Kontenut Televiżiv fejn b’investiment ta’ €800,000 se jintużaw għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ kontenut li huwa ta’ kwalità għolja, ambizzjuż kreattivament, u kummerċjalment vijabbli.

Il-fond tnieda waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, fejn intqal li permezz ta’ dan il-fond se jkun żgurat li l-kontenut żviluppat ikun attraenti għal udjenzi lokali u barranin imma fuq kollox jgħin lid-djar tal-produzzjoni tagħna jikbru u joħolqu kontenut li huwa finanzjarjament fattibbli u jipproduċi ritorn għalihom.

Biex il-kumpaniji jew id-djar tal-produzzjoni jkunu eliġibbli għal din l-iskema jridu jipproduċu produzzjoni f’forma ta’ film, mini-serje, dokumentarju, reality programme, game show, jew programm tat-tfal jew taż-żgħażagħ. Dawk eliġibbli se jkunu jistgħu jieħdu lura sa 20% tal-ispejjeż tagħhom sa’ massimu ta’ €75,000.

Il-produzzjoni trid tkun waħda li se tkun qed tibda sal-aħħar ta’ Diċembru ta’ din is-sena u mill-inqas 75% tal-ispejjeż tal-produzzjoni jridu jkunu ntefqu f’Malta. Il-produzzjoni tista’ tkun kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. L-għażla tal-produzzjonijiet se tkun qed issir minn bord indipendenti li se jevalwa l-applikazzjonijiet fuq tliet binarji: ir-relevanza tal-produzzjoni, il-kwalità tal-produzzjoni, u l-vijabbiltà kummerċjali u s-sostenibbiltà tal-proġett.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li b’dan il-fond il-produtturi u d-djar tal-produzzjoni se jkunu mħeġġa biex ikomplu jwessgħu l-orizzonti tagħhom, jesploraw opportunitajiet internazzjonali, jimpenjaw ruħhom fi prattici innovattivi u jintroduċu l-innovazzjoni fis-settur. “Bit-tnedija tal-lum, dan il-gvern qed jerġa’ jikkonferma l-impenn tiegħu għal din l-industrija u għat-talent kreattiv Malti. Irridu nkomplu nappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ din l-industrija u tan-nies li jaħdmu fiha. Wieħed dejjem se jsib lil dan il-gvern bħala spalla ta’ appoġġ”, saħaq il-Ministru Abela.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com