“Bżonn Ta’ Edukazzjoni U Investiment Xieraq Fl-Użu Ta’ Mezzi Ġodda Ta’ Trasport” – Il-PN
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista esprimi s-sodisfazzjon tiegħu għal modi ġodda u introduzzjoni ta’ sistemi ta’ trasport alternattiv, però esprimew ukoll il-bżonn li l-poplu jkun edukat dwar dawn is-sistemi biex isir l-aħjar użu għall-qabża li jmiss f’mezzi ta’ trasport sostenibbli u alternattivi.
Il-PN irrefera għal l-inċident li kien rapportat dawn l-aħħar jiem fejn kien involut ‘e-kickscooter’, irrefera wkoll kif fuq il-media soċjali qed ikun hemm numru ta’ rapporti ta’ ‘e-kickscooters’ li qed jitħallew fin-nofs ta’ bankini u postijiet oħra li joħolqu inkonvenjent. “Dan qed isir bi skumditá kbira u possibilità ta’ periklu, kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jagħmlu użu minn bankini,” tenna l-PN.
“Filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm żieda fl-użu ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport, il-Gvern permezz tal-awtoritajiet tiegħu qed ifalli milli jara li jkun hemm kampanji adatti ta’ edukazzjoni. F’dan il-każ ir-responsabbiltà taqa’ fuq Transport Malta,” saħaq il-PN.
Huma komplew isostnu li hemm bżonn ukoll li l-Gvern mhux biss jinvesti f’toroq u loġistika li jakkomodaw lill-karrozzi imma wkoll lil dawn il-mezzi ġodda ta’ trasport li jistgħu jgħinu biex tonqos il-problema tat-traffiku imma wkoll jonqos it-tniġġis fl-arja li hu kawża għat-tibdil fil-klima.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li filwaqt li mill-ġdid jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi f’dan ir-rigward, jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni ħalli dan l-iżvilupp ma jintilifx fix-xejn.