Imnedija T-Tielet Edizzjoni Tal-Malta Aviation Conference & Expo
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tnediet it-tielet edizzjoni tal-Malta Aviation Conference & Expo li se tkun qed issir bejn is-26 u t-28 ta’ Ottubru fil-Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan. MACE hija l-akbar konferenza tal-avjazzjoni f’Malta.
Għat-tielet sena, l-avveniment qed ikun issapportjat minn Transport Malta, u se jkun qed isir taħt il-patronaġġ tal-Malta Business Aviation Association (MBAA).
Fid-diskors tagħhom waqt it-tnedija ta’ MACE 2021 Jonathan Dalli u Stanley Buġeja, il-Ko-Fundaturi ta’ MACE qalu: “Ninsabu ferm kuntenti meta naraw kif MACE żviluppat matul l-aħħar tliet snin bħala l-konferenza preferita minn diversi professjonisti fl-avjazzjoni f’Malta u anke ‘l barra minn xtutna. Għal sentejn konsekuttivi, laqqajna flimkien lil dawn il-professjonijisti bi 350 parteċipant fl-2019 u 450 fl-2020.”
MACE qed terġa’ tgħaqqad l-industrija, din id-darba biex tesplora u tiddiskuti liema innovazzjonijiet jistgħu jagħtu ħajja mill-ġdid lill-industrija biex terġa’ tissaħħa u tikber fuq l-istess livelli ta’ qabel il-pandemija. MACE 2021 qiegħda hemm biex toffri sapport għall-innovazzjoni u tiddiskuti l-impatti tagħha fuq il-mobbilità bl-ajru.
Preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-Westin Dragonara Resort, kien hemm l-Onor. Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Mr Joseph Bugeja.
Filwaqt li feraħ lill-fundaturi ta’ MACE, l-Onor. Ministru Ian Borg qal li MACE hija opportunità eċċellenti fejn jinħoloq djalogu san, kollaborazzjoni, u tqassim ta’ prattiċi eżemplari fl-industrija. “Hija l-pjattaforma ġusta biex niddeliberaw fejn irridu mmorru, speċjalment wara li tispiċċa l-pandemija. Se tgħinna wkoll biex naħsbu dwar kif din l-industrija tista’ terġa’ tissaħħaħ,” qal il-Ministru għat-Trasport. Kompla jgħid li l-Gvern Malti se jibqa’ jkun ta’ spalla biex is-settur jerġa’ jiġi fuq saqajh.
Is-Sur Joseph Bugeja, Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qal: “huwa ta’ unur li l-Awtorità tat-Trasport tkompli turi s-sapport tagħha lejn MACE. Transport Malta temmen bis-sħiħ li MACE hija l-mezz ġust biex tippromwovi u ssaħħaħ l-Avjazzjoni Ċivili u taqbel mal-viżjoni tagħha għad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili.”