Il-President Ta’ Malta F’Lagħqa Oħra Mal-Istitut Tal-Ġurnalisti Maltin
Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mill-ġdid ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fil-Palazz ta’ Sant’Anton. L-ewwel laqgħa saret fis-27 ta’ April li għadda, u l-ħsieb hu li dan il-kuntatt jibqa’ jinżamm b’mod regolari.
Fil-laqgħa ġew diskussi temi marbutin mas-sitwazzjoni fil-qasam tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, fosthom it-tisħiħ tal-professjoni tal-ġurnalisti, il-libertà tal-espressjoni ħielsa, u r-rispett lejn l-etika u l-istandards f’dan il-qasam, possibbilment taħt struttura regolatorja nazzjonali.
Sar skambju ta’ ideat dwar ir-rakkomandazzjonijiet li jirrigwardjaw il-ġurnaliżmu li saru fir-rapport tal-bord tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-membri tal-istitut.
L-IĠM kien irrappreżentat mill-President Matthew Xuereb, mill-Viċi President Claire Farrugia, u mis-Segretarju Ġenerali Kurt Sansone.
Ritratti: OPR