Malta U S-Slovenja Jiddiskutu R-Reġjun Ewro-Mediterranju

 Malta U S-Slovenja Jiddiskutu R-Reġjun Ewro-Mediterranju

Malta u s-Slovenja kellhom taħditiet dwar ir-reġjun Ewro-Mediterranju u l-involviment taż-żewġ pajjiżi bil-ħsieb li jkun hemm ħidma dejjem iżjed attiva b’risq dan ir-reġjun.

Iż-żewġ pajjiżi ddiskutew il-patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil  fid-dawl ta’ sfidi li ilhom magħna fil-fruntieri Ewropej u anke b’rabta ma’ fenomeni li qed jiżvolġu bħalma hija l-kwistjoni tal-Afganistan. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo mexxa dawn it-taħditiet f’laqgħat bilaterali mal-President tar-Repubblika Slovena, Borut Pahor; mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja, Anže Logar u mal-President tal-Assemblea Nazzjonali, Igor Zorčič, fil-kapitali Ljubljana. Flimkien mal-ministru għall-affarijiet barranin Sloven, il-Ministru Bartolo ddiskuta l-aspettattivi marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li bħalissa tinsab f’idejn ir-Repubblika Slovena.

Il-Ministru Bartolo kellu laqgħa ta’ korteżija mal-President Sloven li matulha ġiet diskussa s-sitwazzjoni fiż-żewġ pajjiżi b’rabta mal-pandemija u sitwazzjonijiet li qed jevolvu f’reġjuni varji madwar id-dinja. Tul il-laqgħa mal-President tal-Assemblea Nazzjonali ġew diskussa wkoll il-possibilitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-Kamra tar-Rappreżentanti Slovena u dik Maltija.

Is-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Christopher Cutajar akkumpanja lill-Ministru Bartolo tul din iż-żjara, u kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat Gašper Dovžan, li matulha ddiskutew aspetti ta’ kollaborazzjoni fuq livell internazzjonali b’mod speċjali b’rabta mat-temi li se jkunu qed jingħataw prijorità tul il-Presidenza Slovena tal-Kunsill Ewropew.

Ritratti (MFEA): Il-Ministru Bartolo mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sloven Anže Logar

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com