Disa’ Proġetti Ffinanzjati Minn Fondi Ewropej Biex Imexxu L-Aġenda L-Ħadra Fl-Iskejjel

 Disa’ Proġetti Ffinanzjati Minn Fondi Ewropej Biex Imexxu L-Aġenda L-Ħadra Fl-Iskejjel

Disa’ ftehim li ġew iffirmati bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Majjistral Local Action Group Foundation se jaraw il-bidu ta’ disa’ proġetti li se jsiru f’diversi kulleġġi fil-Majjistral ta’ Malta sabiex imexxu l-aġenda l-ħadra fl-iskejjel.

Il-proġetti jvarjaw minn żoni rikreattivi ħodor u tħaddir tal-ambjenti fl-iskejjel għal tisħiħ fl-edukazzjoni agrarja sostenibbli u ġonna vertikali. Minn dawn il-ftehim, se jibbenefikaw l-Iskola Primarja tal-Baħrija, in-Naxxar Induction Hub, l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, iż-żewġ Skejjel Sekondarji tal-Mosta, l-Iskola Medja tan-Naxxar, l-Iskola Primarja tal-Imġarr, l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dawn il-proġetti tressqu ’l quddiem mit-tmexxija tal-kulleġġi biex inkomplu nippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, imma huma wkoll proġetti ambjentalment importanti għall-iskejjel tagħna. “Dawn huma cohort ta’ skejjel fil-Majjistral ta’ Malta, u għalhekk nirringrazzja lill-Grupp Azzjoni Lokali Majjistral li, permezz ta’ din l-inizjattiva, mhux biss ħa nkunu qed nindirizzaw il-bżonnijiet tal-iskejjel, imma qed ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna wkoll japprezzaw din l-aġenda tant importanti għal pajjiżna, dik tal-iżvilupp sostenibbli,” qalet il-Ministru Caruana.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, “L-investiment huwa ta’ €100,000, investiment b’impatt pożittiv mhux biss fuq l-iżvilupp tat-tfal iżda wkoll fuq l-ambjent ta’ dawn l-iskejjel. Inħares lejn aktar inizjattivi bħal dawn, b’aktar investiment ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tisbiħ fl-iskejjel tagħna għal ambjent isbaħ għall-istudenti.”

Il-ftehim kienu ffirmati mill-Prinċipali tal-kulleġġi, il-Kapijiet tal-iskejjel involuti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri, kif ukoll Eman Vella, iċ-Chairperson tal-Majjistral Action Group Foundation.

Is-Sur Eman Vella tkellem dwar kif il-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Majjistral qed jidħol fl-iskejjel fir-reġjun tal-Majjistral bi proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ infrastruttura ħadra, li permezz tagħhom l-istudenti jkollhom l-opportunità li jitgħallmu, jaħdmu u jilgħabu f’ambjent fejn ikun hemm in-natura magħhom, b’diversi inizjattivi li għandhom bżonn l-iskejjel li se jibbenefikaw. Huwa spjega li, “Kull skola applikat għall-proġett li għandha bżonn hi. Ovvjament, huwa importanti fl-element li bħalissa qegħdin niddiskutu t-tibdil fil-klima, tibdil ambjentali, u dawn ħa jkunu l-ġenerazzjoni futura li se jgħixu f’dan l-ambjent. Ambjent li rridu naħdmu għalih minn issa, u bħala ġenerazzjoni b’hekk inrawwmuhom b’dawn il-proġetti biex jifhmu aktar l-ambjent x’inhu u kif għandhom ikunu aktar attrezzati biex joħolqu huma ambjent aħjar fil-futur tagħhom”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com