“Ir-Riżultati Waslu Għax Ma Mxejniex B’Politika Ta’ Awsterita’” – Il-Prim Ministru
“Kienet tkun faċl li ngħidu qed noħorġu ħafna flus fuq wage supplement u skemi oħrajn waqt il-pandemija u allura nnaqqsu r-ritmu tal-proġetti. Minflok, ir-ritmu tal-proġetti żidnihom… Dawn kienu d-deċiżjonijiet li waslu għar-riżultati, għax in-nies jafu li fil-mument tal-prova konna magħhom u se nibqgħu nkunu magħhom.”
Hekk tenna l-Prim Ministru Robert Abela fejn qal kif dan sar għax ma ġietx addottata il-politika tal-awsterita’ kif kienet addottata mill-amministrazzjoni ta’ nies li għadhom qed imexxu l-politika tal-Oppożizzjoni u li kienet waslet biex xokk ekonomiku ferm anqas qawwi minn dak tal-pandemija kien wassal għal qgħad ħames darbiet akbar mil-lum.
“M’għandix dubju li kienu jerġgħu jitfgħu l-piż kollu fuq il-familji u n-negozji. Jgħollu l-kontijiet u b’kumpens forsi jibagħtu xi erbgha bozoz. Jgħidu li se jgħollu c-children’s allowance u minflok inaqsu l-ispiża fuqha. Inaqqsu l-ispiża fuq is-saħħa u l-edukazzjoni. Meta jkunu fl-oppożizzjoni jilgħabuha tad-difensuri tal-poplu u fil-gvern jattakkawh il-ħin kollu…Aħna emminna fil-familji u fin-negozji. U huma emmnu fil-pajjiż u t-tmexxija tiegħu. U flimkien qed negħlbu din l-isfida bla preċedent. Flimkien bhala Team Malta, kburin li f’Lulju 2021 ksibna l-anqas qghad fl-istorja ta’ pajjizna.”
Se nibqgħu nikbru bħala pajjiż. Se nibqgħu ninvestu fin-nies.
“Il-bażi biex nissalvagwardjaw il-kwalità tal-ħajja kien qabel xejn il-fatt li ħarsina s-saħħa. Illum qbiżna d-90% tal-poplu vaċċinat.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif diġa’ bdew il-pjanijiet biex f’Settembru jingħata l-booster lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fosthom id-djar tal-anzjani. Imbagħad f’Ottubru ngħaddu għall-grupp ta’ warajhom li huma anzjani ta’ ‘l fuq minn 70 sena.
Inqas minn sena ilu kont inkun hawn u nitkellem fuq it-tama li jkollna l-vaċċin. U meta dik it-tama bdiet tidher realtà konna lesti biex inkunu minn tal-ewwel li npoġġu idejna fuq din l-arma kontra l-virus u llum inqas minn disa’ xhur wara li ġie dan il-vaċċin għandna l-popolazzjoni vvaċinata fil-maġġoranza assoluta tagħha. Mela mhux l-40,000 doża li qaltilna li se jkollna l-oppożizzjoni! Għoxrin darba iktar imma, bi kważi tmien mitt elf doża amministrata u iktar minn erba’ mitt elf persuna vvaċinati.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-importanza tal-proġett tas-Central Link.
“Proġett ieħor li l-Partit Nazzjonalista lanqas laħaq sema’ kelma ta’ kritika kontra tiegħu li ma ħariġx kontrih. B’xamma ta’ opportuniżmu qawwi.
Għax il-politika tal-PN u Bernard Grech hija waħda shortsighted. Minflok jisma’, jixtarr u jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, bħal ma jagħmel dan il-Gvern, jinfexx fin-negattivita’ u l-oppożizzjoni għal kull ma jagħmel il-Gvern. Dik mhix politika serja jew fit-tul… Proġett bħal dan se jwassal għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja bħal ħafna proġetti oħra sbieħ li tkellimna dwarhom dan l-aħħar.”
Rigward il-proġett tal-marina ta’ Wied il-Għajn, il-Prim Ministru spjega l l-punt tat-tluq huwa li qegħdin fi stadju ta’ sejħa għall-ideat. “M’hemm l-ebda proposta konkreta. Din il-fażi li għaddejjin minnha bħalissa huwa proċess fejn l-awtorita’ ħa tkun qed tisma’ mingħand in-nies… Li hu żgur l l-aċċess għall-bajja bi kwalunkwe żvilupp irid jibqa’ garantit. Il-partijiet fejn illum isir l-għum irid jibqa’ aċċessibli għan-nies u mhux mittiefsa. Ir-realta’ hi li meta jkollok grigalata, jitla’ l-baħar fit-triq u jagħmel ħerba. Fl-aħħar mill-aħħar qegħdin fi proċess tal-ideat, li nisimgħu lin-nies… Irridu kwalita’ ta’ ħajja għan-nies li hija waħda tajba. Prosperita’ ġdida għall-Maltin u Għawdxin kollha bi kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”