Il-Gvern B’Laqgħa Ta’ Konsultazzjoni Mal-Imsieħba Soċjali Dwar Il-Baġit 2022
F’laqgħa li saret mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-Baġit 2022, kienu ppreżentati il-proposti tagħhom lill-gvern fejn b’mod oġġettiv poġġew għad-diskussjoni l-prijoritajiet tal-industrija, tal-unions u tas-soċjetà ċivili.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Abela qal li minkejja diversi sfidi, l-aktar dik tal-pandemija globali, il-gvern qed jibqa’ jkun ottimist u pożittiv għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-Ministru Abela saħaq kif il-ħsieb tal-baġit għas-sena d-dieħla se jibqa’ wieħed li jinċentiva t-tkabbir ekonomiku, sabiex il-ġid ikompli jitqassam b’mod ġust.
Il-Ministru stqarr kif meta l-imsieħba soċjali jagħmlu l-proposti tagħhom, dawn ikunu proposti li, filwaqt li jkunu xprunati minn interessi settorjali, fl-istess ħin għandna naraw ukoll kif is-soċjetà b’mod sħiħ tibbenefika minnhom.
Il-Ministru Abela temm jgħid li filwaqt li l-baġit ikun magħmul minn kollezzjoni ta’ miżuri speċifiċi, huwa xogħol il-gvern u l-imsieħba soċjali li jaraw li l-viżjoni kompluta tkun waħda ta’ medium-to-long-term, u allura l-baġit ta’ kull sena jkun qed iwassalna sabiex nilħqu l-miri tagħna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li pajjiżna, bħall-bqija tal-pajjiżi l-oħra madwar id-dinja, għadu qed jesperjenza l-effetti tal-pandemija, kemm mil-lat ta’ saħħa iżda wkoll mil-lat ekonomiku u finanzjarju. Madanakollu, matul dawn is-sena u disa’ xhur, dan il-gvern ħa deċiżjonijiet li kienu kuraġġużi u ħallew impatt pożittiv, li kien wieħed sinifikanti fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern ma għamilx l-istess żbalji li saru tlettax-il sena ilu waqt ir-riċessjoni finanzjarja. B’mod fiskali, dan il-gvern ma qgħadx jeżita milli jieħu d-deċiżjonijet finanzjarji aggressivi li kien hemm bżonn. Dawn id-deċiżjonijiet wasslu sabiex illum pajjiżna għandu diversi riżultati pożittivi.
Il-Ministru Caruana qal li wara li l-gvern irnexxielu jsalva s-suq tax-xogħol, illum pajjiżna jista’ jikkonċentra fuq affarijiet oħra. Il-Ministru elenka tliet aspetti; dak li l-gvern ikompli jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi, dak li f’pajjiżna jkompli l-iżvilupp tal-ekonomija u tkabbir ekonomiku ta’ kwalità, u kif ukoll li l-finanzi tal-pajjiż jiġu kkonsolidati sabiex il-gvern jaħseb għal li jista’ jinqala fil-futur.
Il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern matul il-pandemija kien hemm biex iwieżen lill-familji u lin-negozji għaliex hekk kienu jirrikjedu ċ-ċirkostanzi, fil-baġit li ġej u anke dak ta’ wara dan il-gvern se jkun responsabbli biżżejjed sabiex jibda jnaqqas id-defiċit. Dan hu importanti sabiex dan il-pajjiż mhux biss jirritorna għar-riżorsi li kellu fl-aħħar snin, iżda wkoll biex jekk fiż-żmien li ġej jerġa’ jinqala’ xi avveniment straordinarju ieħor, dan il-pajjiż ikollu r-riżorsi meħtieġa.
Ritratti: DOI