L-Awtorità Tal-Mediċini Ta’ Malta Tilqa’ Delegazzjoni Mill-Olanda

 L-Awtorità Tal-Mediċini Ta’ Malta Tilqa’ Delegazzjoni Mill-Olanda

L-Awtorità tal-Mediċina ta’ Malta lagħqet delegazzjoni mill-awtorità kompetenti għall-mediċini fl-Olanda – il-Medicines Evaluation Board, li żaret Malta biex jigu diskussi kollaborazzjonijiet attwali u futuri bejn iż-żewġ awtoritajiet.

L-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tikkollabora ma’ entitajiet internazzjonali sabiex twettaq l-istrateġija tagħha għar-regolazzjoni tal-mediċini b’mod xjentifiku. Il-Medicines Evaluation Board huwa ewlieni fl-iskambju tal-aħjar prattiċi xjentifiċi u l-gwida tal-politiċi biex jiġu stabbiliti strateġiji komuni fi ħdan in-netwerk Ewropew. Ftehim bejn l-Awtorità Maltija tal-mediċini u l-Medicines Evaluation Board fl-Olanda jiddettalja kooperazzjoni fit-tul fil-qasam tal-politika farmaċewtika u x-xjenzi regolatorji tal-mediċini. L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet huwa li tappoġġja lill-Awtorità Maltija tal-mediċini, biex iżżid il-kapaċità u l-kompetenza xjentifika tagħha fil-qasam tax-xjenza regolatorja tal-mediċini.  L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li l-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta żżid il-kapaċità u l-kompetenza xjentifika tagħha fil-qasam tax-xjenza regolatorja tal-mediċini, biex tikkontribwixxi aktar fix-xogħol tan-netwerk regolatorju tal-mediċini tal-UE u tipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Kummissjoni, tal-grupp tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Mediċini (HMA) u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA).

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo spjega li din l-alleanza hija ta’ benefiċċju reċiproku u tgħin lill-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tikkonsolida u żżid il-kompetenza tal-assessuri tagħha. “Hemm ftehim kontinwu bejn iż-żewġ awtoritajiet biex itejbu din il-kollaborazzjoni ta’ suċċess kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll diversità f’ħidmietha. L-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tkompli ssaħħaħ it-tim tagħha ta’ assessuri kemm interni kif ukoll esterni biex jimmaniġġjaw proċeduri ta’ sfida, bħal valutazzjonijiet ta’ terapiji avvanzati”, qal il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li fl-aħħar erba’ snin l-Awtorità Maltija għall-Mediċini bbenefikat minn madwar €700,000 fis-sena mill-Olanda biex tkopri l-ispiża ta’ rekluti ġodda matul il-perjodu ta’ taħriġ tagħhom. “Huwa previst li l-kooperazzjoni mal-Olanda tiġi estiża għal oqsma emerġenti oħra li qed jiżviluppaw fl-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta, bħal fl-industrija tal-kannabis, iċ-ċertifikazzjoni tal-EU-GMP ta’ pajjiżi terzi, instrumenti u appart mediku, ir-radjofarmaċewtika, żvilupp ta’ Laboratorju Uffiċjali għall-Kontroll tal-Mediċini, kollaborazzjoni f’mediċini veterinarji kif ukoll vaċċini.”.qal Debattista. Qal li l-gvern qed iħares ’il quddiem għal diskussjonijiet produttivi biex ikompli jingħata aktar kontribut fil-qasam farmaċewtiku min-naħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan biex jiġi żgurat li l-mediċini mqassma man-netwerk Ewropew ikunu ta’ kwalità, siguri u effikaċi.

Il-Professur Anthony Serracino Inglott irrimarka li l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità tal-Mediċina Maltija u l-awtoritajiet kompetenti Ewropej hija ta’ għajnuna kbira sabiex l-Awtorità Maltija żżomm il-pożizzjoni qawwija tagħha fil-qasam regolatorju tal-medicini fl-Ewropa. “Dan ix-xogħol huwa ta’ sinjifikat kbir peress li huwa msejjes fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni wara li l-professjonisti fi ħdan l-awtorità Maltija, partikolarment spiżjara u dawk li studjaw ix-xjenza farmaċewtika, jispeċjalizzaw fil-qasam tal-valutazzjoni tal-mediċini billi jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti mill-Olanda u b’dan il-mod tkompli żżid il-prestiġju tal-farmaċija f’Malta u jkunu ta’ eżempju biex iħeġġu żgħażagħ oħra biex jibdew l-istudji tagħhom fil-qasam farmaċewtiku,” temm jgħid il-Professur Serracino Inglott.

Dan l-arranġament jikkumplimenta inizjattivi oħra xjentifiċi u ta’ taħriġ fl-Awtorità tal-Mediċini bħal kontribuzzjonijiet mill-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fix-Xjenzi Regolatorji Ċċentrati fuq il-Pazjent, imwaqqfa riċentament fid-Direttorat ta’ Inizjattivi Xjentifiċi Avvanzati u l-programm ta’ fellowship li ppermetta lill-ispiżjara jiksbu Dottorat fil-Farmaċija, gradwati oħra biex jkomplu l-istudju fil-livell ta’ PhD kif ukoll numru ta’ avvanzi edukattivi oħra.

Minister for Tourism and Consumer Protection Clayton Bartolo and Parliamentary Secretary for Consumer Protection and Public Cleansing Deo Debattista attend the hosting of the Netherlands competent authority for the regulation of medicines
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com