€3 Miljun Għal Tisbieħ Estensiv Fl-Iskola Primarja Ta’ Kerċem

 €3 Miljun Għal Tisbieħ Estensiv Fl-Iskola Primarja Ta’ Kerċem

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni għaddej fuq pjan bla preċedent fejn jidħol investiment infrastrutturali. Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija fejn intqal li llum kien imniedi investiment ieħor f’Għawdex, €3 miljun għal tisbiħ estensiv fll-Iskola Primarja ta’ Kerċem. Il-proġett jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti u huwa intenzjonat biex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi.

“Qed nitkellmu fuq binja li għandha diversi sfidi u għalhekk permezz ta’ dan il-proġett se naraw binja ġdida totalment ristrutturata imma wkoll servizzi ġodda u faċilitajiet li għandhom bżonn it-tfal tagħna biex ikollhom edukazzjoni tassew ħolistika. Se naraw ukoll it-titjib tal-faċilitajiet sportivi li għandha din l-iskola li mhux biss se jgawdu minnhom l-istudenti imma wkoll il-komunità b’mod ġenerali. Għalhekk se jkollna investiment f’uliedna imma wkoll investiment għal-lokalità kollha”, qalet il-Ministru għal-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt li tat id-dettalji tal-proġett.

F’Għawdex, il-gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, qed jinvesti madwar €35 miljun fit-tisbiħ estensiv tal-iskejjel, fosthom dawk primarji tar-Rabat, tan-Nadur, iż-Żebbuġ, Ta’ Kerċem u l-Għarb. Dan apparti mit-€8 miljun għal sensory-hydrotherapy pool fl-iskola f’Ta’ Sannat. F’Malta hemm investiment iehor ta’ €50 miljun li l-gvern qed jinvesti fis-settur edukattiv fuq livell infrastrutturali apparti l-investiment infrastrutturali f’Għawdex.

L-Iskola Primarja f’Ta’ Kerċem, li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, tinsab f’binja ta’ żewġ sulari li nbniet fl-1923 u għalhekk il-binja se tiġi modernizzata għall-ħtiġijiet tal-lum.

Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari.

Permezz tal-proġett, se tkun indirizzata l-aċċessibbiltà fil-binja biex din tkun skont il-liġi. Iż-żoni rikreattivi fuq barra se jinbidlu biex fost l-oħrajn ikun hemm uċuħ b’non-slip concrete u turf artifiċjali. Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u dranaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm u servizzi ta’ fire safety. Fil-binja se jkunu introdotti wkoll miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.

Biex ix-xogħol isir b’ritmu mgħaġġel u biex jiġi evitat kull periklu għat-tfal u għall-għalliema, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post tal-iskola eżistenti. Dan se jsir biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent tal-iskola tagħhom li huma mdorrijin fih.

Il-proġett huwa f’idejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young qal, “Dan huwa proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tagħmel li permezz tiegħu qed tagħmel rinnovar mill-ġdid tal-iskejjel eżistenti. Wara li fil-ġimgħat li għaddew ħabbarna investiment fil-lokalità tan-Nadur, Għawdex, kif ukoll f’Ħal Għaxaq, Malta, illum qed inħabbru dan il-proġett f’Kerċem”.

It-tender tal-proġett se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com