Irrestawra L-Każin – Imniedi Fond Biex Jassisti L-Każini U Klabbs Soċjali Fil-Komunità
Minħabba d-diffikultajiet finanzjarji li ffaċċjaw is-sidien tal-każini waqt il-pandemija COVID-19, l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar qed iniedu fond ġdid ta’ restawr u manutenzjoni.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia, li qal li klabbs bħal dawn għandhom rwol integrali fis-soċjetà u l-kultura tal-bliet u l-irħula kollha tagħna.
Il-ministru spjega li b’fond allokat ta’ €250,000, il-klabbs soċjali u lokali tal-komunità jistgħu jingħataw sa €5,000. Huwa qal li l-għan tal-iskema bl-isem ‘Irrestawra l-Każin’, li tnediet dan l-aħħar, huwa li tipprovdi għajnuna finanzjarja fi żmien meta klabbs bħal dawn kellhom tnaqqis konsiderevoli fid-dħul tagħhom, iżda xorta waħda kellhom jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni. “B’hekk, qed tingħata għajnuna biex ilkoll flimkien: familji, negozji u għaqdiet volontarji noħorġu iktar b’saħħitna mill-pandemija. Ħafna minn dawn il-binjiet huma wkoll ta’ valur arkitettoniku u ta’ importanza kulturali kbira”, qal il-Ministru Farrugia.
Martin Saliba, iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fl-Awtorità tal-Ippjanar, qal li, “Il-klabbs soċjali u lokali tal-komunità jżuruhom bosta nies b’mod regolari u jġibu l-komunitajiet flimkien. Ħassejna l-ħtieġa li ngħinuhom fil-ġlieda finanzjarja tagħhom, u żviluppajna din l-iskema li taqa’ taħt is-serje ta’ skemi bl-isem ta’ ‘Irrestawra’ mnedija riċentement. L-iskemi kollha bħal dawn kellhom konkorrenza tajba ħafna u nemmen li ‘Irrestawra l-Każin’ mhux se tkun b’inqas.”
Ix-xogħlijiet eliġibbli huma relatati mal-manutenzjoni tal-post u dawn ix-xogħlijiet jistgħu jkunu diġà saru, għadhom għaddejjin, jew għad iridu jsiru, b’tali mod li l-irċevuti kollha jiġu ppreżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar sal-15 ta’ Diċembru 2021.
L-applikazzjonijiet jinfetħu fit-22 ta’ Settembru u huma fuq bażi ta’ first-come-first-served. L-iskema tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Novembru, jew sakemm jintuża l-baġit allokat.