Tliet Persuni Arrestati B’Rabta ma’ Vjolenza Fuq Pulizija
Żewġ pulizija sofrew ġrieħi wara li allegatament ħebbew għalihom tliet persuni waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-każ seħħ is-Sibt, għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ filgħodu (0330hrs), wara li l-Pulizija rċeviet diversi rapporti dwar mużika li kienet qed tindaqq b’volum għoli ħafna flinħawi tax-Xatt ta’ Spinola, San Ġiljan.
Żewg Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn ġie nnutat grupp kbir ta’ persuni li kienu qegħdin idoqqu l-mużika f’post pubbliku. Immedjatament ittieħdu l-passi meħtieġa, fejn dawn intalbu jitfu l-apparat. Minħabba li naqsu milli jobdu l-ordnijiet, il-pulizija kellhom jgħaddu sabiex jikkonfiskaw l-imsemmi appart u kien f’dan il-mument li l-pulizija sfaw attakkati.
Wara li ntalbet l-assistenza, fuq il-post waslu aktar pulizija kemm tad-Distrett kif ukoll tal-‘Rapid Intervention Unit’ u arrestaw lil dawn il-persuni, żewġt irġiel ta’ 31 sena u 24 sena residenti s-Swieqi u mara ta’ 36 sena residenti wkoll is-Swieqi, kollha mill-Veneżwela.
Minbarra li saret ħsara fl-uniformijiet tagħhom, iż-żewġ pulizija sofrew xi ġrieħi fejn wara li ngħataw l-għajnuna medika f’ċentru tas-saħħa, huma ġew iċċertifikati li weġgħu ħafif.
It-tliet persuni tressqu l-Qorti llum, għal xi l-għaxra ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea.