€5.5 Miljun Fil-Bini Ta’ Toroq Ġodda U Titjib Fiż-Żona Industrijali Ta’ Ħal Luqa
Il-Ministru Silvio Schembri żar ix-xogħol li beda fuq il-bini ta’ madwar 1.2 kilometru ta’ toroq mill-entità INDIS Malta b’investiment ta’ madwar €5.5 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett, 117 negozji żgħar u medji li joperaw minn din iż-żona industrijali se jkunu qed jibbenefikaw minn ambjent aħjar wara nuqqas ta’ madwar 40 sena. Dawn jinkludu kemm kumpaniji kif ukoll is-self-employed, li fost l-oħrajn joperaw fil-qasam tal-manifattura. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li fakkar li dan huwa parti minn katina ta’ proġetti madwar Malta fejn il-gvern qed jinvesti €470 miljun sabiex tiġi estiża l-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.
Ix-xogħol fuq it-toroq industrijali ta’ din iż-żona, li hija mifruxa fuq medda ta’ 92,500 metru kwadru, beda fl-aħħar jiem u mistenni jieħu madwar sitt xhur.
Il-Ministru Schembri spjega li parti mill-istrateġija ta’ INDIS Malta hija li jsir użu dejjem iktar effiċjenti tal-ispazju industrijali li jamministra permezz ta’ titjib fl-infrastruttura u fl-aċċess. Huwa żied li se jinħolqu wkoll żewġ plots ġodda fuq medda ta’ 210 metru kwadru f’Ħal Luqa, li eventwalment jiġu allokati għal aktar attività industrijali.
Il-ministru ħabbar li fix-xhur li ġejjin, fil-qafas tal-programm għall-iżvilupp tal-infrastruttura industrijali, se jibdew aktar proġetti fit-toroq madwar iż-żoni industrijali b’investiment ta’ €30 miljun. B’mod partikolari se jsir xogħol fiż-żoni industrijali ta’ Ħal Far, Bulebel, il-Marsa, Kordin u San Ġwann.
Spjega li dawn il-proġetti se jkunu qed itejbu l-aċċess għall-inkwilini eżistenti. B’hekk jiġu megħjuna kemm biex itejbu l-aspett loġistiku tal-operat tagħhom kif ukoll biex jilqgħu aħjar lill-klijenti tagħhom filwaqt li jinħolqu aktar plots ġodda sabiex INDIS Malta tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda għall-art industrijali.
“Kommess li nibqa’ noħloq l-ambjent adattat sabiex niffaċilitaw l-investiment lokali u barrani f’pajjiżna. Il-proġett li qed inħabbru llum huwa prova oħra minn katina sħiħa ta’ inizjattivi li turi li dan il-gvern bil-fatti jwitti t-triq għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna li huwa biss possibbli jekk nibqgħu ninvestu fl-industrija u fil-ħaddiema”, ikkonkluda l-Ministru Silvio Schembri.
Ritratti: DOI