Il-Malta Enterprise Toħroġ Skema Ta’ ‘Soft Loan’ Għal Negozji Li Jridu Jinvestu Fi Proġetti
Permezz ta’ soft loan mill-Malta Enterprise, iktar negozji li joperaw fl-oqsma tal-manifattura u tas-servizzi se jkunu jistgħu jinvestu fi proġetti li jiġġeneraw l-ekonomija wara l-pandemija, ħabbru l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li filwaqt li l-gvern ipprovda assistenza biex il-kumpaniji jibqgħu għaddejjin tul il-pandemija, issa qed ikompli jiffoka biex jinċentiva l-kumpaniji joħorġu aktar b’saħħithom.
Permezz tas-Soft Loan, in-negozji se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn self sa massimu ta’ €1 miljun biex jimplimentaw proġetti mhux itwal minn 18-il xahar. L-applikanti se jkunu jistgħu jagħmlu dawn il-proġetti permezz ta’ self, fejn il-Malta Enterprise se tkopri sa massimu ta’ 75% tal-ispejjeż. Il-parti l-oħra tal-investiment tkun ġejja jew minn riservi tal-kumpanija jew minn self permezz ta’ bank kummerċjali.
Il-Malta Enterprise se tkun qed tassisti lin-negozji li jridu jagħmlu investiment fuq prodotti ġodda, lil min irid jidħol fi swieq internazzjonali ġodda, lil dawk li ser itejbu r-rendiment diġitali tagħhom, dawk li jiffukaw fuq tnaqqis tal-iskart u użu aħjar tal-ilma u anke proġetti li jilħqu livell għoli ta’ sostenibbiltà.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li proġetti li jiffukaw fuq sfidi ambjentali jistgħu jkunu wkoll ta’ opportunità kummerċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li dan is-self jittratta investimenti li ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati mill-banek. “Dan is-self hu klassifikat bħala soft loan hekk kif it-termini u r-rati huma iktar flessibbli skont il-proġett. Għalkemm aħna mdorrijin li nifhmu li investiment huwa xi ħaġa li tidher, bħal makkinarju u binjiet – investimenti oħrajn li jżommu l-intrapriżi tagħna għaddejjin jistgħu wkoll jkunu kruċjali għall-operat.”
Ritratt: DOI