€971 Miljun F’Investimenti Minn Fondi Ewropej

 €971 Miljun F’Investimenti Minn Fondi Ewropej

Waqt it-tnedija tad-dokumenti għal konsultazzjoni pubblika li jittratta kif Malta ser tonfoq parti oħra mill-allokazzjoni ta’ €2.27 biljun ta’ fondi Ewropej għas-snin 2021-2027, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dawn il-programmi ta’ investiment se jkomplu jibnu fuq diversi inizjattivi oħra li qed jiġu proposti fi programmi preċedenti ta’ infiq minn fondi Ewropej permezz tal-Pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza u anke l-Programm ta’ Malta għall-Użu tal-Fondi mill-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li b’dan il-pjan se jkunu mobbilizzati riżorsi sostanzjali fl-ambjent sabiex niffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex inkomplu nkattru l-valur tal-wirt kulturali tagħna fost oqsma oħra. Investimenti oħra se jiffukaw fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ilma kemm tax-xorb kif ukoll new water. Se jsiru wkoll investimenti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Il-programm qed jindirizza l-bżonnijiet u l-opportunitajiet ta’ Għawdex fl-oqsma kollha tal-prijoritajiet li qegħdin jitħabbru. Barra minn dan ser inkunu qed ninvestu wkoll fl-iżvilupp urban sostenibbli f’Għawdex, b’allokazzjoni ta’ madwar €60 miljun.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li €207 miljun ser jiġu allokati f’inizjattivi biex  insaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna, inkluż f’inizjattivi għal kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs),  investiment fit-tranżizzjoni lejn ekonomija innovattiva u diġitali kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni. Ser jitwaqqaf ukoll Business Incubation Centre ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li Waħda mill-miri ta’ dan il-pjan ta’ investiment hu li nippromwovu bidla lejn enerġija nadifa, fejn ser jiġu allokati madwar €469 miljun. Il-bażi ta’ kif ser jintlaħaq dan jiffoka fuq l-użu efficjenti tal-enerġija u tnaqqis tal-emmissjonijiet li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, billi nippromwovu sistemi differenti u sostenibbli ta’ mobbiltà fl-inħawi urbani tal-pajjiż. Dawn l-inizjattivi huma fid-direzzjoni tal-European Green Deal bil-għan li tittieħed azzjoni ħalli sas-sena 2050 tintlaħaq in-newtralità klimatika skont it-Trattat ta’ Pariġi. Ser ninvestu fi green corridors, ġonna pubbliċi u s-siti ta’ Natura 2000. Ser inkomplu nsaħħu l-provvista tal-elettriku tagħna permezz ta’ interconnector ġdid u se niżviluppaw faċilitajiet għall-ħażna tal-enerġija. Inizjattivi oħra huma favur li tisaħħaħ il-protezzjoni u l-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità.

Zrinzo Azzopardi tenna li ser titkompla l-ħidma biex niżviluppaw il-konnettività ta’ Malta man-network TEN-T Ewropew fejn se nkomplu ntejbu l-infrastruttura bil-għan li jilqgħu għad-domanda kemm preżenti kif ukoll futura. Dan kollu ser isir b’nefqa indikattiva ta’ €52 miljun. Mill-fond imsejjaħ Just Transition Fund ser isir investiment  ta’ €33 miljun biex jitkabbar il-proġett Ship-to-Shore fil-Port il-Kbir u se jsir proġett simili fil-Malta Freeport. Dawn il-proġetti se jwasslu għal arja aktar nadifa u ambjent aħjar għall-eluf ta’ persuni li joqogħdu fl-ibliet u fl-irħula tal-viċinanzi. Fondi minn din l-allokazzjoni se jintużaw ukoll biex jiżdiedu ċ-charging points għall-karozzi elettriċi mal-pajjiż kollu.

Biex niżguraw livell ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżna  ser naħdmu sabiex intejbu l-aċċess uġwali għal servizzi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħajja, li jkunu inklussivi u ta’ kwalità. Dan isir bl-iżvilupp ta’ infrastruttura aċċessibbli li trawwem ir-reżiljenza għall-edukazzjoni u t-taħriġ online. Ser ikompli l-investiment bil-qawwi fil-qasam tas-saħħa fosthom bil-bini ta’ sptar ġdid għal mard mentali akut. B’allokazzjoni ta’ €150 miljun, il-poplu Malti se jibbenefika wkoll direttament minn servizzi li se jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum. It-turiżmu ser jingħata spinta grazzi għal investiment fil-patrimonju kulturali tagħna li minnu ser igawdi wkoll il-poplu.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi żied jgħid li l-programm u l-interventi marbuta miegħu huma maħsuba biex inkomplu nsaħħu diversi setturi ekonomiċi, soċjali u  ambjentali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet, anke dawk fit-tul. Għaldaqstant, qegħdin inħeġġu lil kull min huwa interessat biex jipparteċipa f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni u jibgħat is-suġġerimenti jew il-kummenti tiegħu sa nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ottubru 2021.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.eufunds.gov.mt filwaqt li s-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu b’email fuq [email protected] jew bil-posta normali lid-Direttur Ġenerali, Taqsima tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni, 32, House of Catalunya, Triq Marsamxett, il-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com