“Il-Valur Miżjud Fis-Servizzi Finanzjarji Żdied B’€35 Miljun, Filwaqt Li Kull Jum Żdied Impjieg Full-Time” – Il-PM Robert Abela
“Fl-aħħar jiem iktar minn 6000 negozju rċieva assistenza fuq il-kera ta’ 1.6 miljun ewro. Sal-aħħar ta’ Settembru se nkunu qiegħdin inħallsu l-assistenza fuq nofs il-kontijiet tad-dawl tan-negozji fix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu – fl-eqqel tal-irkupru ekonomiku.”
Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio filwaqt li semma kif din il-ġimgħa kienet ġimgħa oħra fejn baqa’ jitwettaq programm qawwi ta’ rkupru permezz ta’ inċentivi għan-negozji li qed jissarrfu biex nipproteġu l-impjiegi.
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif pajjiżna qed jibqa’ kompetittiv għaliex il-Gvern appoġġja l-investiment f’pajjiżna. “Għax aħna dak li nagħtu lin-nies nagħtuh bis-serjetà, mhux b’nofs qalb. Dak li nagħtu lin-nies huwa tagħhom biex igawduh huma u l-familji tagħhom.”
Robert Abela semma wkoll l-injezzjoni ekonomika permezz tal-vawċers. “Sal-ġimgħa l-oħra kienu ntefqu €33 miljun minn dawn il-vawċers. €2.4 miljun f’Għawdex. Kellna injezzjoni fl-ekonomija ta’ €2.6 miljun fil-ġimgħa. Meta n-nies jużaw dawn il-vawċers l-effett tagħhom ikunu saħansitra qed ikabbruh.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll kif ġimgħa wara ġimgħa, l-Oppożizzjoni b’mod kostanti jippruvaw irewwħu d-dwejjaq anke fuq is-settur finanzjarju.
“Tafu kemm żdied il-valur miżjud fis-servizzi finanzjarji? B’€35 miljun, filwaqt li kull jum bħala medja żdied impjieg full-time. Għax tal-PN jieħdu pjaċir jitkellmu fuq jekk xi ħadd jgħalaq. Imma mhux fuq il-ħafna iktar li jiftħu u jikbru.”
Robert Abela spjega kif iż-żieda fl-impjiegi ma kienitx l-unika aħbar tajba.
Din il-ġimgħa sirna nafu li n-numru ta’ passiġġieri li f’Awwissu użaw l-ajruport qabeż l-400,000, 65% aktar minn sena ilu.”
Il-Prim Ministru qal ukoll kif din il-ġimgħa stess mal-Prim Ministru Libjan tkellem dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u investiment dirett barrani.
“Sar progress ukoll fuq il-ħidma li kienet qed issir bejn iż-żewġ pajjiżi fejn tidħol il-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan huwa l-ewwel pass biex ir-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi żżid il-momentum.”