Produzzjoni Teatrali Ġdida Ispirata Mill-Ħolm Tal-Artisti

 Produzzjoni Teatrali Ġdida Ispirata Mill-Ħolm Tal-Artisti

Ix-xewqa hija umana. Aħna lkoll għandna xewqat u l-bżonnijiet tagħna. Madankollu, it-triq għal dak li nixxennqu mhix l-istess għal kulħadd. Kultant dik it-triq hija mfixkla, xi drabi nistgħu nħossu li m’hemm l-ebda pont għan-naħa l-oħra, xi kultant nistgħu nħossuna kompletament waħidna meta din ix-xewqa rriduha u nagħmluha għaliha. Kultant trid timxi ‘l quddiem u sempliċiment tkun favoluż.

Minn Jannar 2021, id-drammaturga Simone Spiteri flimkien ma’ Toni Attard direttur u produttur tat-teatru bdew joħolqu produzzjoni teatrali ġdida mal-artisti ta’ Opening Doors – l-organizzazzjoni artistika għal persuni b’diżabilità intellettwali. Is-Siġra tat-Tin huwa xogħol teatrali inklussiv li jgħaqqad il-ħolm tal-artisti stess bħall-għeruq ta’ siġra tat-tin li jikbru sal-art tal-foresta. Permezz ta’ moviment u xeni drammatiċi maħluqa mill-artist kemm bil-Malti u bl-Ingliż, l-artisti ser ikunu qed jaqsmu l-istejjer u l-aspirazzjonijiet tagħhom mal-udjenza.

Il-produzzjoni ser tippreżenta 10 artisti minn Opening Doors flimkien ma’ 3 mistednin, magħrufin fix-xena teatrali u televiżiva.  Il-kast huwa magħmul minn Cheyenne Aquilina, Caroline Bajada, Angela Bettoni, Sharon Bezzina, Denise Camilleri, Kurt Castillo, Peter Fenech, Benjamin Grech, Sarah Micallef, Jacob Piccinino, Justin Spiteri, Kal Wirth u Mark Zammit Cutajar.

‘Ħdimna b’mod intensiv mal-artisti permezz ta’ workshops fil-moviment, kitba kreattiva u improvizzazzjoni biex niżviluppaw skript li huwa mibni fuq materjal mill-isbaħ maħluq minn kull artist’, qal Toni Attard.

Dan il-proċess jirrifletti l-etos tal-Assoċjazzjoni biex jippromwovi proċessi kreattivi u ħila artistika ma’ adulti b’diżabilità intellettwali fi proċessi li jiffaċilitaw x-xogħol u l-estetika tagħhom.

‘Permezz tax-xogħol tagħna rridu nipprovdu lill-artisti bi spazju kreattiv li jagħtihom is-setgħa li jieħdu pussess tax-xogħol u l-proċess tagħhom. Din il-produzzjoni żżid dinamika ġdida max-xogħol tagħna bl-inklużjoni ta’ artisti mistiedna fil-proċess kreattiv’, tenniet id-direttriċi artistika tal-Assoċjazzjoni, Ilona Baldacchino.

Din il-produzzjoni se timmarka wkoll ir-ritorn fiżiku ta’ Opening Doors fit-teatru peress li l-pandemija ġiegħlet l-attività kollha tagħha ssir biss online.

Biljetti li jibdew minn EUR12 jinkisbu minn www.kreattivita.org

Is-Siġra tat-Tin hi produzzjoni ta’ Culture Venture bl-appoġġ ta’ Spazju Kreattiv u fi ħdan il-proġett AMASS University of Malta Acting on the Margins: Art as Social Sculpture, imsieħeb f’Malta mid-Dipartiment tal-Arti, Komunitajiet Miftuħa, u Edukazzjoni tal-Adulti, fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. AMASS irċieva appoġġ finanzjarju mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea taħt il-ftehim nr 870621. Din il-produzzjoni hi parti minn programm teatrali maħluq minn Culture Venture u appoġġjat mill-Arts Council Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com