Ir-Rebbieħa Tal-Premju Best STEM Employer Award Baxter B’40% Tal-Impjegati Jaħdmu Fuq Ir-Riċerka U L-Iżvilupp

 Ir-Rebbieħa Tal-Premju Best STEM Employer Award Baxter B’40% Tal-Impjegati Jaħdmu Fuq Ir-Riċerka U L-Iżvilupp

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici żar il-bini tar-rebbieħa tal-Best STEM Employer Award 2021, Baxter. Baxter, li ilha topera f’Malta mill-1989, timmanifattura prodotti għal sptarijiet u kliniċi madwar id-dinja.

Il-kumpanija Baxter timpjega madwar 600 impjegat, fosthom inġiniera, xjentisti, tekniċi u teknoloġisti. 40% minn dawn l-impjegati jaħdmu fid-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp, li twaqqaf bħala entità separata fl-2010. Il-kumpanija tappoġġja lill-ħaddiema fl-oqsma STEM b’opportunitajiet ta’ taħriġ, esperjenzi fuq il-post tax-xogħol u sigħat flessibbli li jippermettu lil dawn il-professjonisti STEM ikomplu bl-iżvilupp professjonali tagħhom. Barra minn hekk, Baxter tippromwovi b’mod attiv il-karrieri STEM ma’ studenti f’diversi livelli ta’ edukazzjoni.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-kumpanija Baxter talli kienet forza li tixpruna ’l quddiem is-suġġetti u l-professjonijiet STEM f’Malta. Il-Ministru Bonnici qal li, “Baxter huwa rikonoxxut bħala kumpanija li mhux biss tħaddem b’eċċellenza s-suġġetti STEM matul l-operat tagħha ta’ kuljum, iżda tirrikonoxxi wkoll l-importanza tagħhom bħala pilastri tar-riċerka u l-innovazzjoni li fuqhom irid jinbena l-futur ekonomiku tal-pajjiż.”

“Din l-organizzazzjoni rnexxiet lokalment mhux biss bħala kumpanija tal-manifattura, iżda rnexxielha wkoll tpoġġi l-benesseri tal-impjegati tagħha fiċ-ċentru. Baxter ħaddnet fil-prattika l-valur tal-ugwaljanza, billi bniet tim inklussiv u pprovdiet esperjenzi sinifinkanti fil-karrieri tal-ħaddiema kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp tal-karrieri tagħhom,” kompla l-Ministru Bonnici.

Fiż-żjara tiegħu l-Ministru kien akkumpanjat mid-Direttur tad-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-Inġ Joseph Grima li spjega kemm hu importanti għall-Baxter li ssostni l-karrieri tal-ħaddiema tagħha u ttihom l-opportunità li jaħdmu f’ambjent seren u sikur li jippermettilhom iżommu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Baxter timplimenta firxa ta’ prattiċi li jirriflettu l-appoġġ tal-kumpanija għall-valur tal-ugwaljanza. Dawn il-politiki huma implimentati fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni, mit-tim ta’ tmexxija sa dawk li jaħdmu dirrettament mal-klijenti. In-nisa jiffurmaw 51% tal-ħaddiema f’din il-kumpanija u jammontaw ukoll għal 47% tar-rwoli maniġerjali. Il-kumpanija Baxter ġiet rikonoxxuta diversi drabi fir-rigward ta’ miżuri li ħadet biex tindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, implimentazzjoni ta’ miżuri favur il-familja, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza b’attenzjoni partikolari għall-ugwaljanza korporattiva, l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+, l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità, u l-aqwa prattiki favur id-diversità.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com