Residenti Maltin Ħa Jkunu Jistgħu Jagħmlu L-Kwarantina Fid-Dar Tagħhom Minflok F’Lukanda
F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tħabbar li dawk il-passiġġiera Maltin jew residenti f’Malta li jkollhom jagħmlu kwarantina minħabba li jkunu ġejjien minn pajjiżi fil-lista tal-ħamra skura ħa jkunu jistgħu jagħmlu dan fir-residenza tagħhom minflok fil-lukanda.
Dan ħa jkun qed jidħol fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa li ġej. Il-Minsitru Fearne qal ukoll li dan ħa jkun qed jgħodd biss għal dawk in-nies li huma mlaqqma kompletament kif ukoll iridu jkunu mlaqqma r-residenti li jkunu qed jgħixu fl-istess dar.
Meta mistoqsi jekk hux ħa jingħataw il-flus lura dawk il-Maltin li għamlu kwarantina fil-lukanda b’kont ta’ €1,400, il-Ministru rrisponda fin-negattiv.
Waqt il-konferenza l-Ministru Fearne qal ukoll li l-lista tal-ħamra skura ħa tkun qed tiġi aġġornata fil-jiem li ġejjien, dan minħabba r-riskju tal-varjant ġdid Mu.
Dr. Fearne qal ukoll li sal-lum 91% ta’ dawk kollha eliġibbli għat-tilqima huma mlaqqmin kompletament, filwaqt li qal li sa tlett ijiem oħra dawk l-anzjani kollha residenti fid-djar tal-anzjani ħa jkunu ħadu t-tielet doża.
“Din mhijiex pandemija ta’ sena jew sentejn, din hija pandemija li ħa ddum magħna u iridu nitgħallmu ngħixu mal-pandemija” qal il-Ministru Chris Fearne waqt li beda jirrispondi diversi mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar kemm fadlilna ngħixu b’dawn ir-restrizzjonijiet.