Investiment Ta’ €2 Miljun Biex Jiġi Riġenerat Ġnien Spencer
Ix-xogħlijiet fuq investiment ta’ żewġ miljun ewro biex jiġi riġenerat Ġnien Spencer għal ġnien pubbliku sostenibbli se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin, ħabbar il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-ministru qal li dan il-proġett, li qed jiġi ffinanzjat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u minn Ambjent Malta, mistenni jitlesta sal-aħħar tal-2022. Ladarba jitlesta, Ġnien Spencer għandu l-għan li joffri esperjenza naturali immersiva.
Il-Ministru Farrugia spjega li se jinbnew tliet mixtliet tas-siġar bħala parti minn dan il-proġett biex jitkabbar stokk tas-siġar lokali biex jintużaw fi proġetti futuri. Huwa qal li x-xogħlijiet se jinkludu l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ CCTV, it-titjib tal-ħafna punti ta’ aċċess għall-ġnien, xogħlijiet ta’ tisbiħ, water feature ġdid u t-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi li se jiġu sostitwiti bi speċi lokali.
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li l-ġnien se jinkludi wkoll aspetti ta’ tisbiħ innovattiv b’bosta bidliet fl-elevazzjoni u ħajt aħdar li jnaqqas il-ħsejjes u b’hekk jgħin biex ikompli jtejjeb l-esperjenza li wieħed isir ħaġa waħda man-natura filwaqt li joffri wkoll soluzzjonijiet moderni bħal Wi-Fi. Il-ġnien ġie ddisinjat biex jilqa’ diversi attivitajiet mill-pubbliku, kemm jekk ikunu ħarġiet tal-familja, xogħol, jew għal divertiment u rilassament.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino, qalet li dan il-ġnien huwa, “Oasi ta’ ambjent naturali f’żona urbana assoċjata mat-traffiku u l-industrija, oasi li ser iservi sabiex inqarbu n-natura lejn il-ħajja ta’ kuljum tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet u tal-familji, speċjalment dawk li jgħixu u li jaħdmu fl-inħawi.” Il-Perit Piccinino kompliet tgħid li l-awtorità ddeċidiet li din l-oasi se tkun iddedikata għal Guido Lanfranco, “Għax nemmnu li dan il-proġett jirrappreżenta dak li tant kien għal qalbu, l-importanza tal-għarfien fuq l-ambjent naturali u t-twaħħid tiegħu mas-soċjal”.