Għada F’Malta Jitfakkru L-Ħajjiet Ta’ Tfal Maltin U Għawdxin Li Ġew Abortiti
Għada l-Ħadd 19 ta’ Settembru f’Malta nfakkru l-ħajjiet ta’ tfal Maltin u Għawdxin li ġew abortiti.
Fi stqarrija dwar dan il-Fondazzjoni Life Network qalet li fl-Istati Uniti, f’din il-ġurnata ssir kommemmorazzjoni solenni bħala Jum Nazzjonali ta’ Tifkira fil-pajjiż kollu permezz ta’ attivitajiet ta’ talb.
Konservattivament, huwa stmat li madwar sittin miljun tarbija tiġi abortita madwar id-dinja.
“Il-kontribuzzjoni ta’ Malta għal din il-figura xejn sabiħa għadha komparattivament baxxa ħafna, għalkemm hemm pressjonijiet sabiex jinbidel l-istatus quo,” tenniet il-Fondazzjoni Life Network filwaqt li tonora l-ħajjiet ta’ dawk it-tfal li ma tħallewx jitwieldu. “Dawn jirrappreżentaw ġenerazzjonijiet mitlufa; wlied, aħwa u neputijiet neqsin.”
“Nittamaw li tasal il-ġurnata fejn ma jkollniex għalfejn nagħmlu Jum ta’ Tifkira, jiġifieri għall-ġurnata meta l-prattika tal-abort titqiegħed mal-lista ta’ prattiċi kkunsidrati barbariċi u għalhekk imwarrba, bħall-iskjavitu, it-traffikar tal-bnedmin, is-sagrifiċċju uman u l-isfruttament tat-tfal u affarijiet oħrajn li s-soċjetà ġabet fuqha nnifisha matul iż-żmien. Dan jirrappreżenta tant ħajjiet maħsuda u ġenerazzjonijiet mitlufa,” saħqu l-Fondazzjoni Life Network f’din l-istqarrija.
Huwa komplew jgħidu li sakemm tasal dik il-ġurnata, huwa xieraq li f’Malta jkun hemm post iddedikat lill-vittmi tal-abort, jiġifieri post fejn dawn l-innoċenti jkunu mfakkra u mibkija. Dan għandu jkun post fejn ommijiet u missirijiet jistgħu jsibu moment ta’ serenità qalb il-kaos tal-ħajja.
Il-Fondazzjoni Life Network temmew jgħidu li parti mill-ġonna tad-Dar tal-Irtiri tal-Lunzjata (limiti tar-Rabat, Malta) sejrin jintużaw għal dan il-għan. Għalhekk, nhar il-Ħadd 19 ta’ Settembru 2021, l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi, ser jiċċelebra quddiesa fl-10:30 ta’ filgħodu.