Lejn Edukazzjoni Ta’ Kwalità – L-Istitut Paulo Freire
Malta hija wieħed mill-aktar pajjiżi li jinvesti flus fl-edukazzjoni. Minkejja dan, aħna għandna l-ogħla rata ta’ “Early School Leavers” fl-Unjoni Ewropea. Il-mira li sal-2020 in-numru ma jkunx ta’ aktar minn 10%, ma ntlaħqitx.
M’hemmx dubju li sar ħafna mill-istat, kif ukoll minn entitajiet mhux governattivi, sabiex tiġi indirizzata din il-problema. Fid-dawl ta’ dan, illum hawn min qed jitkellem sabiex l-età tal-edukazzjoni obbligatorja titla’ sa 18-il sena.
L-Istitut Paulo Freire jemmen li qabel l-obbligazzjoni, jeħtieġ li l-ewwel naħdmu biex intejbu l-motivazzjoni tal-istudenti. Hija tassew ta’ tħassib, kif sa minn etajiet bikrija, numru ta’ studenti qed jitilfu l-interess fl-edukazzjoni. Jidher ukoll li fis-soċjetà tagħna, li jkollna edukazzjoni ta’ kwalità, għadha mhix prijorità.
Tul is-snin, l-Istitut Paulo Freire żviluppa u ħaddem programmi apposta biex jgħin lil tfal ta’ etajiet differenti, adoloxxenti u adulti (b’mod speċjali, ġenituri) jibdew iħarsu lejn l-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll ta’ wliedhom b’mod aktar pożittiv. Waħda mill-inizjattivi li ħadna kien il-ħolqien ta’ klabb tal-qari sabiex inħajru lit-tfal iħobbu iktar il-kotba. (ara https://pfi.jesuit.org.mt/our-strategy/ )
Inħossu li filwaqt li wieħed japprezza l-isforzi li qed isiru minn kull min jaħdem fil-qasam edukattiv sabiex l-edukazzjoni f’Malta titjieb, jeħtieġ li lkoll naħdmu aktar sabiex l-istudenti jkunu aktar motivati u jkomplu l-edukazzjoni sa livell postsekondarju b’suċċess. Inħossu li dan ma jseħħx billi nobbligaw lill-istudenti kollha jattendu sakemm jagħlqu 18-il sena. Fil-fatt hemm il-periklu li din il-miżura waħedha tista’ żżid il-livell ta’ demotivazzjoni għall-edukazzjoni fost iż-żgħażagħ. Mill-banda l-oħra jeħtieġ illi:
1) naħdmu mal-familji l-aktar vulnerabbli sabiex jaraw fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, opportunità ta’ ġejjieni aħjar. Hekk kull għajnuna li tingħata, anki finanzjarja, għandha tkun għal dan il-għan,
2) isir investiment mhux biss fil-bini ta’ skejjel ġodda imma b’mod speċjali dawk aktar qodma, hekk li xi wħud jeħtiġilhom jinqalgħu mill-qiegħ,
3) jinstab mezz kif ikollna aktar għalliema ta’ kwalità f’kull livell u kif dawn jibqgħu jaħdmu fl-edukazzjoni għal ħafna snin. Biex dan isir, mhux biss irid ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema u dawk kollha involuti fl-edukazzjoni, imma fuqkollox jiżdied l-apprezzament lejn kull min jaħdem f’dan is-settur,
4) filwaqt li llum il-pajjiż qed jirrikonoxxi li hemm studenti li huma aktar mitfugħin fuq l-arti espressiva jew l-isport, tant li għandna skejjel speċjalizzati, jeħtieġ li nifhmu li għandna naħsbu wkoll fi skejjel għal dawk li għandhom il-ħila fix-xogħol tal-id. Wieħed ikollu jistaqsi għaliex programmi speċjalizzati ma jiġux offruti f’kull skola,
5) Sal-lum l-edukazzjoni għadha aktar iffukata fuq l-eżamijiet milli fuq it-tagħlim u l-iżvilupp sħiħ tat-tfal. Jeħtieġ li dawk kollha li huma responsabbli mit-tfal fl-iskejjel ikunu jafu aktar l-istudenti tagħhom u jimxu bil-pass ta’ kull wieħed u waħda minnhom u skont dak li jinteressahom l-iktar. Sabiex dan isir fil-prattika, jeħtieġ li fit-tfassil tal-kurrikulu u sillabi, inkunu iktar flessibbli hekk li tkun tista’ tingħata attenzjoni lit-tfal b’mod individwali.
Wieħed jawgura, hekk kif ninsabu fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, li minkejja li dawn iż-żminijiet huma mill-iktar partikolari, l-istudenti tagħna jkollhom esperjenza sabiħa ta’ tagħlim u l-għalliema jkomplu jwettqu l-missjoni tagħhom mingħajr tfixkil.