Investiment Ta’ €30,000 F’Xogħol Ta’ Tisbiħ F’Dar Il-Fjuri F’Għawdex

 Investiment Ta’ €30,000 F’Xogħol Ta’ Tisbiħ F’Dar Il-Fjuri F’Għawdex

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli żaret ‘Dar il-Fjuri’ li l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-ministeru, għandha fir-Rabat, Għawdex, u li fiha jgħixu disa’ persuni b’diżabilità. Dar il-Fjuri tnediet fis-sena 2016 bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta. Fil-preżent, għaddej xogħol ta’ tisbiħ f’din ir-residenza b’investiment ta’ madwar €30,000. L-etajiet tar-residenti, erbat irġiel u ħames nisa, ivarjaw minn 21 għal 71 sena. Is-servizz li jingħataw ir-residenti huwa ta’ 24 siegħa kuljum.

Ir-residenti jingħataw sostenn sabiex ikunu jistgħu jirċievu s-servizz meħtieġ, inklużi assessjar u interventi ta’ occupational therapists u appuntamenti oħrajn, kemm dawk minn dipartimenti governattivi kif ukoll mill-privat. Isiru wkoll case reviews tar-residenti kollha.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li t-tmexxija ta’ residenzi għal persuni b’diżabilità li minnhom l-Aġenzija Sapport għandha 10 oħra f’Malta apparti dik f’Għawdex, hija biss parti mix-xogħol li twettaq l-aġenzija fil-qasam tal-persuni b’diżabilità li l-kobor tiegħu huwa rifless fil-fatt li għas-sena 2020 l-aġenzija kellha allokat lilha baġit ta’ ftit inqas minn €23 miljun, l-akbar investiment li qatt sar fis-settur tal-persuni b’diżabilità.

F’Dar il-Fjuri hemm jaħdmu 27 persuna. Tul iż-żjara l-ministru kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras.

Is-Sinjura Sciberras spjegat ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u modernizzar għaddejjin bħalissa biex jitjiebu l-faċilitajiet f’Dar il-Fjuri. Dan hu parti mill-ħidma li Aġenzija Sapport tagħmel b’mod regolari fir-residenzi u fiċ-ċentri ta’ matul il-jum kollha f’Malta u f’Għawdex, bil-għan li toffri l-aħjar ambjent għall-klijenti u għall-impjegati waqt li tħares is-saħħa u s-sigurtà tagħhom. L-impenn ta’ Aġenzija Sapport hu wkoll li toffri servizzi residenzjali bi programmi individwali skont il-bżonn tal-individwu b’enfasi fuq għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com