Il-PN Jgħid Li Ftit Jiem Qabel Jiftħu L-Iskejjel Is-Sitwazzjoni Hija Waħda Anzjuża U Mħawwda
“Rapporti li qed jidħlu għand il-Partit Nazzjonalista u oħrajn li dehru fl-aħbarijiet qed juru biċ-ċar in-nuqqas ta’ ppjanar bil-quddiem fl-edukazzjoni. Il-linji gwida dwar l-operat fil-pandemija reġgħu ħarġu tard u kif wissa l-Partit Nazzjonalista dan qed jimpatta ħazin lill-iskejjel u lill-għalliema fil-preparazzjoni tagħhom. Jekk ma jittranġawx l-affarijiet dan se jimpatta ukoll lill-istudenti hekk kif minn hawn u ftit ġranet oħra tibda s-sena skolastika ta eluf ta student.” Dan kien il-ġist ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli.
Huwa qal li l-Gvern reġa’ nqabad b’nuqqas ta’ għalliema fil-klassijiet għaliex ma ħasibx bil-quddiem biex jiftaħ l-applikazzjonijiet. Puli qali li “dawn l-applikazzjonijiet ħarġu biss ftit ġimgħat ilu biex issa m’applikawx biżżejjed għalliema u nħolqot ukoll tilwima mal-‘Malta Union of Teachers’ minħabba nuqqas ta’ djalogu magħhom.”
Clyde Puli f’din l-istqarrija jgħid ukoll li l-iskejjel primarji għad m’għandhomx gwida fuq x’se jiġri mill-lezzjonijiet peripatetiċi bħall-PE u l-arti, mużika u PCSD, filwaqt li ntqal ukoll li l-Protokoll tal-Għalliema għadu ma ġiex iċċirkolat mal-istess edukaturi.
Il-Kelliem tal-PN qal ukoll li l-Università nqabdet b’nuqqas ta’ lecture rooms biex tkun tista’ toffri edukazzjoni fiżika lill-istudenti. “Kien biss ilbieraħ wara li tkellmu l-għaqdiet tal-istudenti u l-Partit Nazzjonalista li l-Ministru qalet li se tagħmel sforz biex jinstabu aktar spazji fejn l-istudenti jistgħu jieħdu t-tagħlim tagħhom,” sostna Puli.
Huwa tenna wkoll li “għalliema u studenti ilmentaw b’xogħlijiet li hemm għaddejjin viċin tal-iskola meta huma mitluba li jħallu t-twieqi miftuħin skont il-protokoll.”
Il-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, biex tirrimedja s-sitwazzjoni mingħajr aktar dewmien. “Din is-sitwazzjoni qed toħloq ħafna ansjetà u konfużjoni fost l-għalliema u t-tmexxija tal-iskejjel u se tispiċċa timpatta ħażin fuq l-istudenti tagħna.”