Il-PN Jipproponi Li R-Rata Tal-VAT Minn 18% Tinżel Għal 7% Fuq In-Nefqa Kollha Li Ssir F’Lukandi U Restoranti
Il-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kandidat Ivan Castillo minn ġo Boutique Hotel fir-Rabat Għawdex komplew jispjegaw il-proposti tal-PN għas-settur turistiku.
Fost il-100 proposta tekniċi u spjegati fid-dettall fid-dokument 2+8 ‘A way forward to tourism recovery’, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi serje ta’ miżuri maħsuba biex jallevjaw il-fatturat imnaqqas fil-qasam turistiku minħabba l-pandemija. Fost dawn, il-PN qed jipproponi miżura fejn it-taxxa dovuta titħallas lura fuq ħames snin u tnaqqis tar-rata tal-VAT għal 7% fuq in-nefqa kollha li ssir f’lukandi u restoranti.
Tali tnaqqis huwa possibbli fi ħdan id-derogi permessi mid-Direttiva Ewropea spjega l-Kelliem tal-PN Peter Agius. Ir-rata mnaqqsa minn 18% għal 7% tkun tista’ tixpruna investimenti mġedda f’perijodu fejn is-settur turistiku għandu bżonn sinjal ta’ kuraġġ biex nerġgħu lura għall-attivita ekonomika mexxejja ta’ qabel il-pandemija. “Jekk inkomplu ninvestu biss inkunu nistgħu nibqgħu kompetittivi” saħaq Peter Agius
Ivan Castillo spjega kif l-invesitment fil-lukandi ta’ tipi differenti jgħin bil-bosta biex jiddiversifika l-offerta turistika Maltija u għaldaqstant il-proposti PN jaraw ukoll li jkun hemm appoġġ dirett għal upgrades ta’ lukandi kif ukoll il-promozzjoni ta’ ‘concept hotels’ li jimmiraw għal settur partikolari.
Castillo spjega kif il-Proposti tal-PN jaraw ukoll li l-Gvern ikun partner f’marketing immirat fejn addirittura jkun hemm rimbors tan-nefqa tal-ispejjeż tal-marketing sa 25,000 euro.
Il-Proposti tal-PN jinkludu wkoll l-aspett tal-kultivazzjoni aktar wiesgħa tal-prodott turistiku, partikolarment billi jiġi mwieżen il-karattru uniku tal-irħula u l-bliet Maltin, fejn Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm ‘Standard ta’ Estetika Nazzjonali’ li jippromwovi l-ħolqien gradwali ta’ żoni urbani pittoreski li jkunu ta’ attrazzjoni akbar mat-turist li jżur il-gżejjer Maltin.