Multa Ta’ €2,500 Wara Li Kkaġuna L-Mewt Ta’ Sieħbu B’Sewqan Traskurat Tal-Jet Ski
Dalgħodu fil-Qorti Gerrit Van Der Veen, Olandiż ta’ 19-il sena weħel multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li saq jet ski b’mod traskurat u kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu, Mart De Ruiter.
Dan il-każ imur lura għal nhar Santa Marija tal-2018, meta l-imputat, il-vittma u ħabib ieħor marru l-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan biex isuqu l-jet skis.
Fil-qorti ntqal li waqt li Gerrit Van Der Veen u Mart De Ruiter kienu qed isuqu l-jet skis dawn ħabtu flimkien. Mal-ħabta l-vittma waqa’ fil-baħar u tilef ħajtu dak il-ħin kawża ta’ ksur f’rasu.
Gerrit Van Der Veen xehed li kienet l-ewwel darba li kien saq jet ski. Huwa qal li kien qed isuqu b’veloċità moderata u li l-vittma kien qed isuq warajh madwar 30 metru ‘l bogħod. Spjega li f’ħin minnhom dar u sabu ma’ wiċċu.
Ntqal ukoll li fil-lejl ta’ qabel l-inċident l-imputat kien xorob bejn 10 u 15-il flixkun birra qabel mar jorqod.
Għalkemm ma jirriżultax li l-imputat u sħabu xorbu l-alkoħol dakinhar tal-inċident, irriżulta li kellu traċċi ta’ alkoħol.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li dan kien każ sfortunat li ħalla konsegwenzi traġiċi. Qalet li l-imputat għandu kondotta nadifa u mhux il-każ li għandu jintbagħat il-ħabs sabiex jirriforma ruħu.
Il-Qorti qieset ukoll li l-vittma u l-imputat kienu ħbieb tal-qalb u trabbew flimkien, saħansitra jumejn wara l-inċident il-qraba tal-vittma kienu ħafru lill-imputat ta’ dak li kien ġara.
Madankollu, qalet li ma tistax twarrab il-fatt li l-akkużat kien traskurat fis-sewqan u għalhekk immultatu €2,500.