Ktieb Għall-Istudenti Tas-Sitt Sena Dwar L-Iżvilupp Sostenibbli Fost It-Tfal
Ktieb għall-istudenti tas-sitt sena miktub mill-awtur Malti Trevor Zahra huwa ntiż biex iżid l-għarfien dwar l-iżvilupp sostenibbli fost it-tfal Maltin u Għawdxin.
Miktub bil-Malti u bl-Ingliż u b’illustrazzjonijiet mill-isbaħ, il-ktieb jiggwida lill-istudenti dwar xi tfisser li tgħix ħajja sostenibbli u huwa msejjes fuq djalogu bejn tifel u omm.
Waqt attività organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, l-awtur Trevor Zahra qara siltiet mill-ktieb, bil-parteċipazzjoni tat-tfal ġewwa l-Buskett.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li din l-inizjattiva hija parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jiżdied aktar l-għarfien dwar il-miri tal-iżvilupp sostenibbli u kif wieħed jista’ jkun sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-Ministru Dalli spjegat li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma pedamenti prinċipali fil-progress li qed jagħmel pajjiżna favur is-sostenibbiltà.
“It-tfal huma parti importanti minn dan il-progress, għax huma l-futur. Għalhekk huwa importanti li anke huma jitrawmu sa minn età żgħira dwar metodi u soluzzjonijiet li jistgħu jiġu applikati kemm fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll aktar ‘il quddiem huma u jippjanaw il-karriera tagħhom”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
B’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-ktieb se jkun qed jitqassam lil studenti tas-sitt sena fi skejjel primarji madwar Malta u Għawdex.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Sur George Said, id-Direttur fid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u Dr Malcolm Galea, Chairperson ta’ Guardian of Future Generations.
Ritratti: DOI