“Ma Narahiex Idea Tajba Li Ż-Żjara Sseħħ Qabel Issir Elezzjoni” – Alfred Sant
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qasam il-ħsieb tiegħu dwar iż-żjara tal-Papa f’Malta fuq il-midja soċjali tiegħu.
Tenna li m’għandux dubju li l-poplu ser itieh merħba u hekk jixtieq hu nnifsu li jsir.
“Biss ma narahiex idea tajba li ż-żjara sseħħ qabel tkun inżammet l-elezzjoni li jmiss. Żjara papali waqt li tkun għaddejja kampanja elettorali tqanqal wisq ċaqliq u taħwid, toffri lok għal manuvrar ta’ kull xorta mill-inħawi kollha”, kiteb Dr. Sant.
Spjega kif dan iż-żmien jista’ jċajpar il-merħba li l-Papa jixraqlu jirċievi. Saħaq li min qed jagħti l-pariri fil-Vatikan dwar din il-materja, “messu javża b’sens ta’ prudenza, li billi Papa Franġisku jittardja ż-żjara tiegħu bi ftit xhur, ma tkunx waqgħet id-dinja.”
“Bil-maqlub, fil-frattemp tkun issaħħet it-trankwillità, li tkompli ssebbaħ imbagħad il-merħba li l-Papa jingħata”, temm Dr. Sant.